Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Il-kelma "linji gwida" suppost niktibha bis-sing?

Ejja nagħmlu distinzjoni żgħira.

(1) il-prefissi jinkitbu mal-kelma

Innota li meta jkollna kelma bi prefiss, ir-"ras" tal-espressjoni (i.e. l-iktar parti ċentrali jew importanti) tkun il-kelma l-oħra u mhux il-prefiss

Eż. psewdokulturali: hawnhekk ir-ras hija kulturali, u psewdo qed timmodifika dik it-tifsira bażika tar-ras (kulturali, imma taparsi).

 

(2) każi bħal linji gwida, pajjiżi membri

Hawnhekk linji u pajjiżi mhumiex prefiss, għax fil-fatt huma l-irjus tal-frażi; gwida u membri għandhom biss funzjoni ta' aġġettiv (i.e. huma qabelxejn linji imma li jservu ta' gwida; u pajjiżi, imma assoċjati jew imseħbin...)

Mela hawn ma tidħolx ir-regola tal-prefissi, għax dawn nom + aġġettiv normali. U jinkitbu bħall-każi l-oħra kollha: kamra spazjuża, linja gwida, pajjiż membru.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra