Il-Kors tal-Malti għall-Barranin

 

Il-Kunsill organizza żewġ korsijiet għat-tagħlim tal-Malti lill-barranin flimkien mad-Dipartiment tal-Malti fl-Università. Sfortunatament, minħabba raġunijiet li ma kellniex kontroll fuqhom, dan il-kors (CMFL) m'għadux jiġi offrut.
Kien kors part-time mifrux fuq sentejn li apparti mit-tagħlim akkademiku, inkluda wkoll prattika, preżentazzjonijiet interattivi, ħarġiet u attivitajiet kulturali għall-barranin li jgħixu Malta interessati li jitgħallmu l-Malti. B’hekk l-istudenti, barra milli jkomplu jduru l-postijiet sbieħ ta’ pajjiżna, setgħu jitħalltu aktar mal-Maltin u jipprattikaw il-lingwa u dak li jitgħallmu l-Università f’kuntesti reali differenti.
Dawn in-nies qed jiżdiedu f'pajjiżna. L-interess fil-Malti mill-barranin qed jikber ħafna. Ħafna minnhom ikunu jixtiequ jikkomunikaw aħjar bil-lingwa tagħna fil-post tax-xogħol jew fil-familja mħallta tagħhom.
Il-kors kien maħsub ukoll għal min ma kellux idea ta' lsienna u xtaq li jibda mill-bażiku. Kien l-uniku kors tat-tagħlim tal-Malti għall-barranin imfassal fuq il-Qafas Komuni Ewropew għal-Lingwi.
Il-Kunsill qed jaħdem biex dan il-qasam tat-tagħlim tal-Malti jkun standardizzat aħjar u l-vojt li ħalla dan il-kors jimtela b’kors ieħor mill-Kunsill, kemm fil-klassi kif ukoll fuq l-internet.
 

Certificate in Maltese as a Foreign Language

 

17 ta' Settembru 2015