Servizzi

Bħala entità governattiva, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti jagħti pariri u jikkonsultawh diversi entitajiet tal-Gvern fuq affarijiet relatati mal-lingwa u l-użu tagħha fil-kitba. Fost dawn ta' min insemmu l-kunsilli lokali, awtoritajiet bħall-Awtorità tat-Trasport, Infrastructure Malta, l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, Parks Malta, kif ukoll aġenziji bħall-MITA u diversi ministeri.

Kulma jmur qed inżidu dejjem aktar il-kuxjenza li l-Malti għandu jkun viżibbli mal-Ingliż fis-senjaletika pubblika u miktub kif jixraq.

TABELLI

Il-Kunsill tal-Malti joffri s-servizz tiegħu bla ħlas lill-kunsilli lokali u lil kull entità li tkun se tibdel it-tabelli pubbliċi jew tagħmel oħrajn ġodda. Qed nirsistu biex, f'pajjiż bilingwi bħal tagħna, it-tabelli jsiru biż-żewġ lingwi, jiġifieri bil-verżjoni Maltija l-ewwel, u taħtha jew maġenbha, il-verżjoni bl-Ingliż. F'każ ta' diffikultà fuq it-traduzzjoni jew l-ortografija tal-kitba bil-Malti f'xi tabella li tkunu se tagħmlu, tistgħu tikkuntattjawna.

Idealment tgħaddulna d-disinn finali tat-tabella tagħkom qabel ma tibagħtuh lill-istampaturi.

PUBBLIKAZZJONIJIET

F'każ li fl-entità pubblika tagħkom ikollkom xi fuljett qasir għall-qari tal-provi, il-Kunsill tal-Malti wkoll jista' jgħinkom.

Barra minn hekk, għal pubblikazzjonijiet itwal, kull sena qed noffru kors f'dan is-suġġett mad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta' Livell 5 (MQF). Dan il-kors imfittex ħafna mill-ħaddiema taċ-ċivil u tal-privat li jużaw il-Malti f'xogħolhom, jew li jinteressahom ilsienna u jixtiequ jtejbu l-kitba tagħhom.

Skopri aktar dwar il-Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti minn hawn.

 

3 ta' Novembru 2020