Ballun Pinġut

Fl-okkażjoni tal-logħob tal-Ewro 2012, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti bil-kollaborazzjoni tal-Għaqda Ġurnalisti Sports nieda l-ktieb Ballun Pinġut miktub minn Keith Attard. It-tnedija saret fil-lukanda Le Méridien, San Ġiljan, u għaliha kienu mistiedna l-ġurnalisti sportivi.

Dan il-ktieb huwa ġabra ta’ 930 espressjoni mil-logħba tal-futbol, li nġabru direttament minn fomm il-plejers, id-diriġenti, il-kummentaturi u l-partitarji ta' etajiet differenti. Biex ix-xogħol isir bil-għaqal, il-ġabra saffieha sewwa u kull kelma fittex il-konferma tagħha mingħand playercoach, referee, membru ta' kumitat ta' klabb tal-futbol, u ġurnalist sportiv.

Il-ħsieb wara l-ġabra hu li biha ngħinu lill-ġurnalisti u l-kummentaturi sportivi jsibu l-aħjar kelma meta jkunu qed jiddeskrivu l-azzjoni waqt il-logħob tal-futbol. L-espressjonijiet, li jidhru f’ordni alfabetika, ġew ikkonfermati ma’ refereeplayercoach, membru ta’ kumitat, dilettant u ġurnalist sportiv. Dan sar biex ikun hemm indikazzjoni ta’ kemm il-kliem miġbur hu mifrux fuq fomm in-nies.

Peress li l-ktieb hu maħsub għal idejn il-ġurnalisti, l-Għaqda Ġurnalisti Sports, fuq talba tal-Kunsill tal-Malti, ħatret rappreżentant tagħha fil-bord editorjali li tlaqqa’ biex jgħarbel il-ġabra u jnaqqi minnha l-kliem dispreġjattiv li l-ġurnalisti jħossu li ma jixraqx li jingħad fuq il-mezzi tax-xandir.

Fid-diskors li għamel waqt it-tnedija, l-awtur qal, “Dan hu l-ewwel ktieb tiegħi u ma bsartx li se nsib din l-għajnuna kollha. Il-futbol u l-Malti minn dejjem kienu għal qalbi u dan il-ktieb nista’ ngħid li huwa opra ta’ mħabba għax fih żewwiġt flimkien l-aktar żewġ suġġetti li nħobb. L-għan tiegħi hu li nkun ta’ servizz għall-ġurnalisti li sa issa ma kellhom l-ebda ġabra ta’ espressjonijiet Maltin li jistgħu jingħadu waqt xandira ta’ logħba futbol. Għandi qalbi qawwija li, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar se nisimgħu lingwaġġ li jirrispetta l-idjoma Maltija u jkun preċiż fl-istess ħin.”

Min jixtieq iżid xi espressjoni li mhix tidher f’din l-edizzjoni jista’ jżidha fil-paġna tal-Facebook "Ballun Pinġut" jew jgħaddihielna fl-indirizz futbol@kunsilltalmalti.gov.mt.

Ħajr ukoll lis-Sur Mario Bonnici, il-Prof. Manwel Mifsud, is-Sur Thomas Pace u s-Sur Olvin Vella tal-għajnuna tagħhom f'dan il-proġett.

Ara l-ġabra tal-espressjonijiet minn hawnhekk.

 

 Ewro 2012
Ballun Pinġut

 

11 ta' Ġunju 2012