Versi għaċ-ċkejknin

Stedina għal versi sbieħ bil-Malti għat-tfal iż-żgħar

 
Id-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku tad-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni  u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, bis-saħħa tas-Sur David Agius Muscat, il-Prof. Manwel Mifsud, is-Sur Thomas Pace u s-Sur Trevor Zahra, qegħdin jaħdmu id f’id fuq proġett ġdid li għandu jwassal l-ilsien Malti bl-aktar mod pjaċevoli u informali għand l-istudenti fl-iżgħar etajiet.

Għalhekk waqqfu Kumitat flimkien u qed jistiednu lil kull min għandu poeżiji jew lirika ta’ kanzunetti jew għanjiet lesti bil-Malti għat-tfal sa ħames snin u jixtieq jipparteċipa, biex jissieħeb f’dan il-proġett ta’ ġid għall-futur ta’ lsienna. Il-Kumitat tal-Proġett tal-Mużika se jistħarreġ il-versi li jintbagħtulu, bil-ħsieb li dawk l-aktar addattati tinħadem mużika xierqa għalihom. Il-kanzunetti mbagħad jixxandru fil-YouTube u jinħarqu fuq diska kompatta li titqassam fil-klassijiet tal-kinder u tas-snin bikrin.

Il-versi jistgħu jkunu fuq temi ħfief u bażiċi li jidħlu fil-ħajja taż-żgħar u jintroduċuhom għall-ambjent naturali u l-ħajja soċjali ta’ madwarhom. Fost is-suġġetti nsemmu: l-istaġuni, l-ismijiet tax-xhur u l-jiem tal-ġimgħa, it-temp, il-ħwejjeġ, il-festi ta’ matul is-sena (bħall-Karnival, l-Għid u l-Milied) u tal-irħula, in-numri, l-ittri tal-alfabett u l-ħsejjes tagħhom, il-partijiet tal-ġisem u movimenti bihom, il-kuluri, il-forom u l-qisien, l-annimali, il-familja, il-ħaddiema u x-xogħlijiet, karattri veri jew mistħajla li jappellaw għat-tfal, il-ġugarelli, l-istrumenti mużikali, il-mezzi tat-trasport, il-logħob, u l-affarijiet mistħajla tal-ħolm.

Dawn it-temi qed jingħataw biss bħala indikazzjoni u mhux bħala limitazzjoni, għax il-Kumitat se jikkonsidra kull tema li tkun addattata għal dik l-età. Il-versi li jintbagħtu għandhom jirrispettaw dawn il-punti:

  • Ikunu oriġinali.
  • Ikunu pjaċevoli għat-tfal.
  • Ikunu marbutin mad-dinja tat-tfal tal-lum.
  • Iħarsu lejn l-affarijiet mill-għajnejn tat-tfal, u ma jkunux riflessjoni tal-kbar fuq il-ħajja tat-tfal.
  • Ikollhom element ta’ immaġinazzjoni.
  • Ikunu miktubin b’Malti tajjeb u mexxej għaż-żminijiet tal-lum.
  • Ikollhom attitudni miftuħa lejn kulturi oħra u jħaddnu l-prinċipji tal-ugwaljanza soċjali.

Il-Kumitat tal-Proġett tal-Mużika mhux qed jintrabat li jmexxi ’l quddiem il-versi kollha li jirċievi, imma dawk biss li jkunu addattati u ta’ kwalità. Id-drittijiet tal-versi jibqgħu tal-awturi tagħhom u l-ismijiet tagħhom jibqgħu jidhru/jissemmew kull fejn ikunu stampati jew jinstemgħu.

Dan mhuwiex proġett bi skop ta’ qligħ imma ta’ tixrid b’xejn ta’ materjal tajjeb għall-edukazzjoni. Għalhekk ma jista’ jingħata l-ebda ħlas lill-kittieba tal-versi li jintgħażlu.

Il-versi għandhom jaslulna sal-21 ta’ Settembru 2012 (data estiża) u għandhom jintbagħtu f’dan l-indirizz. Il-versi li ma jitqisux addattati għal dal-proġett jintbagħtu lura lill-awturi tagħhom malli tittieħed id-deċiżjoni dwarhom, u l-Kumitat qed jassigura li ma jsir l-ebda użu minnhom.

Inħeġġuk tieħu sehem f’dan il-proġett biex l-ilsien sabiħ tagħna nibqgħu nisimgħuh jitkanta fl-iskejjel, fid-djar u fil-mezzi tal-komunikazzjoni tagħna.

 

3 ta' April 2012