Kalendarju bil-Malti għall-Primarja

Fit-8 ta’ Mejju li għadda tnieda l-kalendarju bil-Malti għall-Primarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti flimkien mad-Dipartiment tal-Malti tad-Direttorat tal-Edukazzjoni u l-Fondazzjoni HSBC Malta. It-tnedija saret fl-Iskola Primarja tal-Marsa mat-tfal u l-amministrazzjoni tal-iskola. Għaliha attendew il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, il-Prof. Ray Fabri, u s-Sa Sarah Watkinson, Viċi Kap tal-Fondazzjoni HSBC Malta. Preżenti wkoll kien hemm il-Prinċipal tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca, James Camilleri u s-Segretarja tal-Fondazzjoni HSBC Malta, Doriette Camilleri.

Dan il-kalendarju tad-drapp tħallas mill-Fondazzjoni HSBC Malta u sar bil-għan li jkompli jissaħħaħ l-ilsien Malti ma’ wliedna sa minn età ċkejkna. Fil-fatt, tfassal apposta għal etajiet żgħar u se jgħin fit-tagħlim tal-ismijiet tal-ġranet tal-ġimgħa, tax-xhur u tal-istaġuni bil-Malti, kif ukoll fit-tagħlim tan-numri u tal-espressjonijiet Maltin li bihom niddeskrivu t-temp. Huwa riżorsa multisensorjali li għandha tgħin lit-tfal tal-primarja jitgħallmu l-Malti b’mod divertenti. Il-kalendarju joffri logħba għall-istudenti billi, ta’ kull filgħodu, jaġġornaw id-data u t-temp, malli jidħlu fil-klassi.

Il-kalendarju se jitqassam f’din is-sena skolastika u matul is-sena li ġejja lil kull klassi tal-Ewwel Sena u lil numru ta’ libreriji fl-istess skejjel. It-tir ewlieni tad-Dipartiment tal-Malti huwa li jkompli joffri riżorsi kkuluri u sbieħ, bħal dan il-kalendarju, bil-Malti lill-istudenti u l-għalliema tagħna.

   Il-Kalendarju tad-Drapp

 

11 ta' Mejju 2014