Il-Forum Nazzjonali fuq l-Ilsien Malti 2015

Is-Sibt 7 ta' Novembru 2015, il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, bi sħab mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, tella' forum nazzjonali ieħor fuq l-ilsien Malti u l-ħidma tal-Kunsill. Il-forum kien suċċess kbir u għalih attendew madwar 200 ruħ. Dawn kienu jinkludu diversi għalliema, tradutturi, qarrejja tal-provi, awturi u pubblikaturi, diretturi mis-Settur Pubbliku, letturi tal-Università u nies oħra minn kull qasam interessati fil-Malti.

Matul il-forum il-pubbliku kellu ċ-ċans mhux biss li jsir jaf aktar bix-xogħol li jwettaq il-Kunsill tal-Malti, imma wkoll li jagħti sehmu b'mod attiv fid-diskussjonijiet u jesprimi l-ideat tiegħu għall-ġejjieni u l-iżvilupp tal-ilsien Malti. Il-forum tmexxa mill-Prof. Joseph M. Brincat u għalih kien mistieden il-Prof. Dr Gerhard Stickel, il-President tal-Federazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tal-Lingwa (EFNIL).

Il-Prof. Stickel ta taħdita dwar il-pjanifikazzjoni lingwistika u b'hekk l-udjenza setgħet tieħu idea aħjar ta' x'jiġri f'pajjiżi oħra fil-qasam tal-pjanifikazzjoni lingwistika.

Imbagħad segwiet preżentazzjoni mill-President tal-Kunsill, il-Prof. Ray Fabri, u mid-Direttur Eżekuttiv, Thomas Pace, fuq l-għaxar snin ta' ħidma tal-Kunsill. Din il-wirja interattiva ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-pubbliku preżenti għax biha seta' japprezza l-ħidma bla heda tal-Kunsill tul dawn l-aħħar 10 snin – ħidma li se tibqa' għaddejja u li ma tiqafx biss fuq l-ortografija imma nfirxet sew fl-oqsma differenti tal-ħajja. B'hekk il-Malti qed ikompli jidħol u jiżviluppa f'setturi ġodda, bħall-mediċina u l-ġeografija, jintuża aktar u, fuq kollox, ikun iżjed viżibbli.

Wara, l-udjenza setgħet tieħu sehem f'wieħed minn sitt gruppi ta' ħidma li ttrattaw dawn it-temi:

  • il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, ilbieraħ, illum u għada
  • l-ortografija tal-Malti
  • il-Malti fl-era diġitali
  • l-iżvilupp tat-terminoloġija bil-Malti
  • il-Malti fl-edukazzjoni
  • il-Malti fix-xandir

Minn dawn il-gruppi ta' ħidma, id-diskussjoni għaddiet għall-plenarja fejn il-konklużjonijiet tas-sitt gruppi differenti ġew diskussi b'mod miftuħ minn dawk kollha preżenti. Mir-reazzjonijiet spikka l-appoġġ sħiħ tal-pubbliku preżenti għall-ħidma u l-istruttura preżenti tal-Kunsill kif stipulata fl-Att dwar l-Ilsien Malti (Kap. 470) tal-2004. Ħarġu wkoll numru ta' proposti, ewlenin fosthom fl-oqsma tat-traduzzjoni, l-edukazzjoni u l-informatika, li l-membri tal-Kunsill ħadu nota tagħhom.

Lejn tmiem il-Forum, il-Prof. Joseph Brincat tkellem fuq id-diffikultajiet li għadna nsibu fl-ortografija tal-Malti u minn fejn ġejjin, billi ta rakkont kronoloġiku fil-qosor ta' kif il-Malti ltaqa' ma' ilsna oħra matul is-snin u ddakkar minnhom. Id-diffikultà tal-kitba tal-kliem missellef mill-Ingliż, il-Kunsill huwa konxju sewwa tagħha u qed jiddiskutiha. Ma ddeċieda xejn u, fil-fatt, s'issa l-kliem barrani fil-Malti tista' tiktbu la Maltija jew tħallih kif inhu fl-oriġinal miktub korsiv jew 'fil-virgoletti'.

Il-forum intemm b'kelmtejn mill-Ministru Onor. Evarist Bartolo li tenna li l-Kunsill se jissaħħaħ biex ma jibqax jiddependi mill-volontà. Insista wkoll li hemm bżonn aktar riċerka empirika u evidenza f'oqsma differenti, speċjalment fil-qasam tal-bilingwiżmu.

Ħajr lis-Sur Saviour Sam Agius, il-Prof. Ray Fabri, is-Sur David Muscat u s-Sur Thomas Pace.

Biex tara l-Atti tal-Forum Nazzjonali fuq l-Ilsien Malti, agħfas hawn.

Segwi wkoll ir-rapport tat-TVM dwar il-Forum Nazzjonali tal-Ilsien Malti 2015.

 

Biex tara aktar ritratti, idħol hawn.



Ir-rapport ta' 10 snin ħidma mill-Kunsill tal-Malti. Jekk tixtieqna nibagħtulek kopja stampata tiegħu, iktbilna.


7 ta' Novembru 2015