Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti 2016–2017

Qari tal-Provi 2016Fi Frar 2016 se jiftaħ il-11-il kors li jwassal għaċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti, organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università bi sħab mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Il-kors hu maħsub għal kull min juża l-Malti miktub fil-post tax-xogħol u għal kull min jinteressah li jtejjeb il-kitba tiegħu bil-Malti. L-istudenti tal-kors jiġu mis-settur Pubbliku u Privat, ilkoll minn oqsma differenti tal-ħajja, u dan il-fatt jagħmel il-kors aktar interessanti.

Il-kors twil sena, minn Frar 2016 sa Jannar 2017, u hu fuq bażi part-time, bil-lezzjonijiet isiru darbtejn fil-ġimgħa. L-applikazzjonijiet regolari issa magħluqa (għalqu fil-15 ta' Jannar), imma l-applikazzjonijiet tard jibqgħu jiġu milqugħa sal-Ġimgħa 22 ta' Jannar 2016. Il-kors se jsir Malta t-Tnejn u l-Ħamis, mill-5:30pm sat-8:30pm. Għall-Għawdxin, bħalma sar is-sena l-oħra, jekk jintlaħaq in-numru minimu ta' applikanti eliġibbli, jerġa' jiftaħ ukoll kors ieħor Għawdex, il-Ġimgħa mill-5pm sad-9pm u s-Sibt mit-8am sa 12pm.

Kwalifiki biex tapplika:

  • Jekk għandek sa 23 sena jrid ikollok iċ-Ċertifikat tal-Matrikola (il-kwalifiki ġenerali biex tidħol l-Università) u l-Malti fil-Livell Avvanzat sa grad Ċ.
  • Jekk għandek aktar minn 23 sena u m'għandekx dawn il-kwalifiki, tista' tapplika xorta waħda u ssirlek intervista qasira minn bord tal-għażla apposta qabel jibda l-kors.

Agħfas hawn biex tkun taf aktar. Applika issa!

 

23 ta' Diċembru 2015