Il-kitba tal-kliem mill-Ingliż fil-Malti

Seminar: Il-kitba tal-kliem mill-Ingliż fil-MaltiIl-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti jistieden lill-pubbliku għal seminar ta’ nofstanhar fuq il-kitba tal-kliem mill-Ingliż fil-Malti li se jsir is-Sibt, 18 ta’ Ġunju 2016, fil-Lukanda Le Méridien, San Ġiljan.

Is-seminar se jixxandar dirett fuq l-internet biex ikunu jistgħu jsegwuh l-emigranti Maltin, it-tradutturi u l-qarrejja tal-provi tal-UE li jgħixu barra, l-anzjani, u l-Għawdxin li ma jistgħux jingħaqdu magħna, imma li huma interessati ħafna fis-suġġett. Matul dan is-seminar il-Kunsill, li studja kif se niktbu l-kliem mill-Ingliż, se jippreżenta l-proposti li wasal għalihom u jisma’ lill-pubbliku dwarhom qabel jippubblikahom.

Dawn il-proposti qed isiru wara analiżi tal-ortografija u sensiela ta’ laqgħat f’kumitat tekniku li kien fih nies minn oqsma differenti bħal għalliema, awturi u ġurnalisti. Il-proposti se jiġu ppreżentati wara li l-Kunsill ikkunsidra wkoll is-suġġerimenti tal-pubbliku fid-diskussjonijiet li organizza minn żmien għal żmien u opinjonijiet oħra li dehru fil-gazzetti u l-internet.

Min hu interessat jattendi s-seminar, mitlub jirriserva postu sat-Tnejn, 13 ta’ Ġunju, billi jimla l-formola elettronika t'hawn taħt jew billi jagħfas hawnhekk. Mal-applikazzjoni qed jintalab ħlas ta’ €5. Dan ikopri r-reġistrazzjoni, il-materjal stampat li se jitqassam u l-waqfiet għall-kafè u l-ikel. Jekk jogħġbok ibgħat ċekk b’dan il-ħlas, pagabbli lil 'Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti', sat-13 ta’ Ġunju f’dan l-indirizz:

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni
Iċ-Ċentru tal-Kurrikulu
Triq Sarria
Il-Furjana FRN 1460

Ir-reġistrazzjoni tiftaħ fit-8.30am u s-seminar jibda fid-9am. Għall-programm tas-seminar agħfas hawn.


AĠĠORNAMENT WARA LI SAR IS-SEMINAR

Nirringrazzjaw lil kull min ħa sehem fis-seminar tas-Sibt, 18 ta’ Ġunju 2016 li matulu l-Kunsill laqqa’ lil kull min hu interessat biex jippreżenta l-proposti tiegħu u jisma’ lill-pubbliku dwarhom qabel jippubblikahom. Tista’ ssegwi l-prinċipji u l-proposti li ġew ippreżentati mill-Kunsill minn din l-istqarrija. Il-parteċipanti tas-seminar tqassmilhom ukoll dan il-fuljett bil-prinċipji u l-proposti mqassra. Il-preżentazzjoni li saret waqt is-seminar tista' tniżżilha minn hawnhekk. Is-seminar tista' terġa' ssegwih mill-filmat t'hawn taħt.

Qabel u dakinhar tas-seminar kompla jitqassam il-kwestjonarju lil aktar nies biex jiġi aċċertat li l-Kunsill ikun verament sema’ lil kull min xtaq jikkontribwixxi.

Il-perjodu twil ta' konsultazzjoni għalaq is-Sibt, 2 ta’ Lulju 2016, ħmistax wara s-seminar, biex b’hekk min kien imsiefer u min ma setax jattendi kellu ċ-ċans jgħid tiegħu wkoll billi jikteb lill-Kunsill. Wara li kkunsidra l-fehmiet kollha li ħarġu fis-seminar u li waslulu, il-Kunsill wasal għal dokument finali bid-Deċiżjonijiet 2 li se jkun ippubblikat u mxandar fil-ġimgħat li ġejjin. Din tkun il-pożizzjoni uffiċjali tiegħu bl-emendi meħtieġa wara 32 sena mir-regola tal-1984 tal-Akkademja. Id-deċiżjonijiet finali huma bbażati fuq il-prinċipji u l-proposti mressqa fis-seminar.

Tista’ tara l-ħidma (riċerka > konsultazzjoni u diskussjonijiet f'laqgħat, taħditiet u seminars pubbliċi ma' setturi differenti tas-soċjetà > proposti) li wettaq il-Kunsill fl-aħħar snin fuq il-kitba tal-kliem mill-Ingliż, minn hawn.

 

20 ta Ġunju 2016