Id-Damma ta' de Soldanis

Id-Damma ta' de Soldanis ippubblikata wara aktar minn 250 sena

Id-dizzjunarju enċiklopediku Damma ta' Ġan Franġisk Agius de Soldanis (1712–1770) ġie ppubblikat, wara aktar minn 250 sena fil-Bibljoteka Nazzjonali bħala manuskritt, bis-saħħa tal-ħidma kbira tar-riċerkatriċi Rosabelle Carabott, li bdiet ix-xogħol tat-traskrizzjoni flimkien ma' Joanne Trevisan.

Dan id-dizzjunarju msejjaħ mill-awtur tiegħu stess bħala Damma tal-kliem Kartaġiniż imxerred fil-fomm tal-Maltin u l-Għawdxin, inkiteb madwar l-1760. Huwa dizzjunarju qadim daqskemm sabiħ, miżgħud b'tagħrif fuq il-ħajja tas-seklu 18. Madankollu, ftit nies qallbuh il-Biblijoteka Nazzjonali, il-Belt għax wara dawn is-snin kollha kien għadu manuskritt.

Dan id-dizzjunarju Malti-Taljan-Latin fih elf paġna. Kienu kkonsultawh Ġużè Aquilina u Erin Serracino Inglott biex jisiltu l-kliem għad-dizzjunarji tagħhom. Użah ukoll Ġużè Cassar Pullicino għal tagħrif fuq il-folklor. Meta tqalleb fih tiskopri ħafna espressjonijiet li qatt ma nġabru u li huma xhieda ta’ kultura Maltija qadima. Biex ngħidu hekk, meta taqra dan id-dizzjunarju tiskopri Malta oħra li ma ssibhiex f’kotba oħrajn. 

Fih hemm tagħrif fuq l-ikel u l-ħlewwiet (bħall-għadam ta’ Novembru), il-ħwejjeġ (bħall-ilbies tar-raħlin u l-beltin), id-drawwiet tal-familji waqt iċ-ċerimonji taż-żwieġ u l-funerali, il-festi (bħall-Karnival u l-Imnarja), l-istrumenti mużikali, il-leġġendi, qwiel mitlufa (Gefen b-uesk bdoti, kat ma i-emsci), il-logħob antik tat-tfal, u deskrizzjonijiet ta’ pitturi li de Soldanis rahom isiru minn xi ħadd bħal Favray. Każ eċċellenti hu tat-tagħrifa mogħtija taħt il-kelma 'l-Imnarja'.

Għalhekk din il-pubblikazzjoni ma tiswiex biss lill-istudenti tal-lingwa, imma hi ta' interess ukoll għar-riċerkaturi tal-istorja, l-arti, l-istudji ambjentali u tal-antropoloġija.

Dan il-proġett ra d-dawl bl-impenn kollettiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, id-Dipartiment tal-Malti fl-Università, l-Akkademja tal-Malti, il-Bibljoteka Nazzjonali, Heritage Malta, il-Fond RIDT tal-Università, il-Ministeru ta' Għawdex u l-BPC.

Il-proġett tat-traskrizzjoni, ir-reviżjoni u l-editjar ħa sitt snin biex tlesta u d-direzzjoni tiegħu kienet f'idejn Dr Olvin Vella, lettur fid-Dipartiment tal-Malti fl-Università. Id-disinn u l-proċess tal-pubblikazzjoni kienu f'idejn is-Sur Daniel Cilia.

Segwi wkoll is-servizz tal-aħbarijiet tal-PBS fuq dan il-proġett nazzjonali.

Biex tkun taf aktar dwar il-Kanonku Agius de Soldanis u x-xogħlijiet tiegħu, idħol fl-istazzjon tal-YouTube ddedikat lilu li sar bil-ħidma tal-istudenti universitarji tal-Malti.

Ħoloq oħra ta' interess dwar id-Damma:

  L-ewwel folja tad-Damma stampata fl-istamperija Baroni & Gori (Firenze). Din il-pubblikazzjoni ta' kwalità se tagħmel ġustizzja ma' min kiteb b'passjoni favur l-ilsien Malti 250 sena ilu

L-ewwel folja tad-Damma stampata fl-istamperija Baroni & Gori ta' Firenze, murija mid-direttur tal-proġett, Dr Olvin Vella.

 

17 ta' Novembru 2016