Il-Festi t-Tajba

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti jawgura l-isbaħ xewqat għall-Milied u s-sena l-ġdida lilek u lill-għeżież tiegħek. Għal dawn il-jiem ta’ festi, il-Kunsill jixtieq jissuġġerilek 4 affarijiet:Id-Damma

1. Ir-rigal ideali ta’ dan il-Milied għal-librerija tal-qraba u l-ħbieb tiegħek, huwa kopja tad-Damma ta’ de Soldanis.
Dan hu dizzjunarju enċiklopediku li nkiteb madwar l-1760 u jixħet dawl fuq il-ħajja Maltija u Għawdxija tas-seklu 18. Din il-pubblikazzjoni għandha tinteressa lil kull min għandu għal qalbu l-lingwa, ir-riċerka storika, id-drawwiet u t-tradizzjonijiet lokali, l-antropoloġija, l-arti, u l-istudji ambjentali, fost l-oħrajn. Id-Damma ġiet ippubblikata wara madwar 250 sena fil-Bibljoteka Nazzjonali bħala manuskritt, bis-saħħa tal-kollaborazzjoni tal-Kunsill tal-Malti flimkien ma’ għadd ta’ entitajiet lokali prestiġjużi oħrajn.

Għal tagħrif ieħor, idħol hawn. Tista’ tixtri kopja minn wieħed mill-mużewijiet ta’ Heritage Malta jew, elettronikament, minn hawn.

2. Din is-sena għaliex ma tawgurax lill-għeżież tiegħek f’Malta u lil hinn minnha bi lsienna, b’kartolini b’messaġġi bil-Malti? Ħutna l-emigranti Maltin, u ħbiebna f’Malta stess, żgur japprezzaw waħda mit-tnax-il kartolina li ħriġna għal dan il-għan bi sħab mal-Għaqda tal-Malti - Università. Il-qligħ kollu mill-bejgħ tal-kartolini jmur għall-karità u se jingħata lill-Malta Community Chest Fund.

Aktar dettalji minn hawn.

3. Tajjeb li nkantaw ukoll l-għanjiet tal-Milied bil-Malti fil-knejjes tagħna, kemm fil-funzjonijiet għall-pubbliku ġenerali, kif ukoll fil-quddies taż-żgħażagħ. Għandna diversi għanjiet tradizzjonali sbieħ bil-Malti minn fejn nagħżlu u xieraq li nibqgħu ngħadduhom minn ġenerazzjoni għal oħra billi ngħallmuhom u nrawmuhom lit-tfal ċkejknin. Huma dawn li jridu jkomplu jgħadduhom lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Insibu, ngħidu aħna, Il-Benniena ta’ Ġesù Bambin jew, kif nafuha, Ninni La Tibkix Iżjed ta’ Patri Indrì Schembri, O Lejl ta’ Skiet maqluba għall-Malti minn Albert Cassola, F’Lejl ta’ Xitwa ta’ Dun Frans Camilleri, Fuq Tiben f’Maxtura ta’ Dun Karm Farrugia u tant oħrajn li tista’ ssibhom minn hawn.

Nistgħu nsemmu li fl-aħħar snin, b’xorti tajba, diversi entitajiet u individwi ħadu l-inizjattiva sabiħa li jipproduċu huma wkoll diski kompatti b’għanjiet reliġjużi u kanzunetti tal-Milied bil-Malti. Fost dawn insemmu l-YTC bl-album Kartolina, l-X-Tend bl-albums Sbieħ il-Milied, Patri George Ocar Buttigieg u Andrew Zammit bl-albums Ħelu Bambin, Patri Karm Debattista bl-albums Mal-Kant tal-Anġli u Min Hu dat-Tifel?, David Azzopardi bl-album Milied Tfuliti, Andrew Cauchi bl-album Milied ta’ Mħabba, kif ukoll korijiet bħall-kor tat-tfal ta’ Birkirkara, u l-kor Mary’s Angels Choir ta’ Ħ’Attard bl-album Il-Kewkba li Ddiet. Ma’ dawn insibu għadd ġmielu ta’ kanzunetti oħrajn bħal Festa ta’ Kuluri tal-grupp Footprints.

Bħala Kunsill ħadna ħsieb il-produzzjoni viżiva animata tal-għanja L-Istorja tal-Milied ta’ Trevor Zahra, b’mużika ta’ Sammy Galea. Dan hu t-tielet filmat li pproduċejna wara ż-żewġ filmati l-oħra tal-kanzunetti Milied Qaddis u Frans tal-Posta, li lkoll huma aċċessibbli b’xejn għal kulħadd mill-istazzjon tagħna tal-YouTube. Inħeġġukom ħafna biex turuhom u tkantawhom man-neputijiet żgħar tagħkom:

 

4. Għall-istrina, ħsibnielek ukoll f’rigal ieħor li tista’ tagħti lill-qraba u l-ħbieb: kalendarju tal-2017 bi 12-il qawl Malti, wieħed għal kull xahar tas-sena. Dan inħareġ mill-Fondazzjoni Inspire u l-paġna tal-Facebook Kelma Kelma bi sħab mal-Kunsill tal-Malti. Kull xahar hu marbut ma’ qawl partikolari mpinġi minn 12-il artist ta’ kalibru. Id-dħul kollu mill-bejgħ tal-kalendarji se jmur għall-Fondazzjoni Inspire. Issib tixtrih mill-ħwienet kollha tal-Maltapost jew, elettronikament, minn hawn

Il-Kunsill tal-Malti sodisfatt ħafna li qed ikompli jgħin biex ilsienna jinkiteb tajjeb, ikun aktar preżenti u jkompli jinxtered f’forom differenti, anke f’okkażjonijiet bħal dawn tal-Milied u l-ewwel tas-sena.

Nawgurawlek sena tajba mimlija saħħa, hena u paċi f’qalbek.

 

8 ta’ Diċembru 2016