Jikkwalifikaw aktar qarrejja tal-provi tal-Malti

45 student kisbu ċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti

Fis-7 ta’ Diċembru 2016, 45 student (37 Malti u 8 Għawdxin) kisbu ċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti mill-Università ta’ Malta u x-Xhieda ta’ Għarfien bħala Qarrejja tal-Provi tal-Malti mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, wara li temmew b’suċċess il-kors universitarju fil-qari tal-provi bil-Malti f’Malta u l-istess kors f’Għawdex.

Iċ-ċerimonja tal-preżentazzjoni taċ-ċertifikati nfetħet bid-diskors tal-President tal-Kunsill tal-Malti, il-Prof. Ray Fabri, li ta ħarsa ħafifa lejn l-oqsma ewlenin tal-ħidma tal-Kunsill tal-Malti f’kollaborazzjoni - u b’suċċess - ma’ entitajiet oħra, kif jixhed dan il-kors universitarju stess. Il-President tal-Kunsill semma kemm hu importanti li jkun hawn korp nazzjonali b’nies ikkwalifikati fil-Malti u fil-lingwa li jirriċerkaw, jikkonsultaw, jiddiskutu u jippjanaw b’mod professjonali għall-ilsien nazzjonali tagħna, kif ilu jagħmel il-Kunsill għal dawn l-aħħar ħdax-il sena. 

Warajh, l-ewwel kelliem mistieden kien l-awtur magħruf Trevor Zahra, li fisser kemm ix-xogħol tal-qari tal-provi tħaffef maż-żmien bis-saħħa tal-iżviluppi tat-teknoloġija. Hu semma wkoll kemm hu effettiv dan il-kors għax qed iwassal għal aktar ħaddiema kkwalifikati fil-kitba tal-Malti u għal aktar professjonalità bil-provi fil-pubblikazzjoni tal-kotba. Warajh kien imiss lil Maria Debono, li ħolqot il-karattru ta’ Ċikka fuq il-Facebook (Kun bħal Ċikka), propju meta kienet qed issegwi dan il-kors. Hi għamlet preżentazzjoni qasira u dħulija fuq il-perċezzjoni pubblika lejn in-nies li jafu l-Malti sew. Imbagħad kien imiss id-diskorsi tal-istudenti kkwalifikati Vanya Cauchi, li segwiet it-tieni kors f’Għawdex, u ta’ Nathaniel Attard, li segwa l-għaxar kors f’Malta. 

Wara l-għoti taċ-ċertifikati għalaq din is-serata, organizzata mill-Kunsill tal-Malti, ir-Rettur tal-Università, il-Prof. Alfred Vella, li faħħar il-kollaborazzjoni tad-Dipartiment tal-Malti mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Huwa kkonferma l-impenn tal-Università li tibqa’ titlob iċ-ċertifikazzjoni tal-Malti lill-istudenti Maltin li jixtiequ jidħlu l-Università għax l-ogħla istituzzjoni edukattiva fil-pajjiż tagħraf li jekk tneħħi l-Malti tkun qed tibgħat messaġġ żbaljat li l-Malti m’għandekx bżonn tkun tafu f’Malta. “Jekk ma tagħmilx dan l-università tagħna, liema università fid-dinja se tagħmlu?”, staqsa l-Prof. Vella. Huwa għaraf il-ħtieġa li tkun żviluppata aktar terminoloġija bil-Malti f’oqsma ta’ studju differenti id f’id mal-Kunsill tal-Malti li mhuwiex hemm biss għall-qasam tal-ortografija.

Is-serata mexxietha Kirsty Agius, li temmet ukoll b’suċċess it-tieni kors f’Għawdex, u għaliha minbarra l-qarrejja tal-provi l-ġodda u qrabathom, attendew ukoll ir-Reġistratur tal-Università, is-Sa Veronica Grech, id-Delegat tar-Rettur għal Għawdex, il-Prof. Louis F. Cassar, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università, Dr Bernard Micallef, id-Direttur tal-Kors, il-Prof. Manwel Mifsud, u l-Koordinatur tal-Kors, is-Sur Thomas Pace, flimkien ma’ numru ta’ letturi oħra tal-kors.

Dan il-kors ta’ Livell 5 (MQF) hu mfittex ħafna minn dawk li jużaw il-Malti f’xogħolhom u jixtiequ jħossuhom aktar kunfidenti jiktbu bil-Malti. Il-kors jinkludi taħriġ fil-kitba tal-Malti, fil-punteġġjatura, fil-grammatika, tagħrif fuq l-aspetti tekniċi fil-preżentazzjoni ta’ pubblikazzjoni, u prattika fuq l-użu tal-Malti fil-kompjuter, fost l-oħrajn. L-istudenti tal-kors ikollhom l-opportunità wkoll jiddiskutu u jifhmu aħjar ir-regoli tal-kitba tal-Malti. B’kollox, mill-2006 meta fetaħ il-kors, ikkwalifikaw 395 qarrej tal-provi.

It-tnax-il kors fil-qari tal-provi jiftaħ fi Frar 2017 fl-Università ta’ Malta u qed ikun offrut mill-ġdid fiċ-Ċentru Universitarju ta’ Għawdex, ix-Xewkija, jekk jintlaħaq in-numru minimu ta’ applikanti eliġibbli. L-applikazzjonijiet miftuħin u jibqgħu jintlaqgħu sat-13 ta’ Jannar 2017 mis-sit tal-Università. Għal tagħrif ieħor fuq il-kors, idħol hawn.

 

16 ta’ Diċembru 2016