Il-Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti 2017–2018

Jekk tixtieq tirfina l-kitba tiegħek, dan hu l-kors tal-Malti li ilek tistenna.

Klassi

Fi Frar li ġej, id-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti se jiftħu t-tnax-il kors fil-qari tal-provi bil-Malti f’Malta. L-istess kors hu offrut ukoll f’Għawdex wara s-suċċess tat-tielet kors li nfetaħ għall-Għawdxin.

Il-kors, ta’ Livell 5 (MQF), hu twil sena (Frar 2017–Jannar 2018) u l-lezzjonijiet tiegħu jsiru darbtejn fil-ġimgħa:

F’Malta: l-Università (l-Imsida), nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ħamis, mill-5.30pm sat-8.30pm.

F’Għawdex: l-Università (ix-Xewkija), nhar ta’ Ġimgħa mill-5pm sad-9pm u nhar ta’ Sibt mit-8.00am sa 12.00pm.
Il-kors jerġa’ jiftaħ f’Għawdex jekk jintlaħaq in-numru minimu ta’ applikanti eliġibbli. Għalhekk, l-Għawdxin kollha mħeġġin biex jaħtfu din l-opportunità li jaġġornaw ruħhom fil-kitba bil-Malti, f’Għawdex stess, u japplikaw.

Minbarra li jħarrġek u jgħinek tirrevedi l-grammatika u l-ortografija tal-Malti biex tirfina l-kitba tiegħek, dan il-kors jagħtik ukoll iċ-ċans tiddiskuti u tifhem aħjar ir-regoli tal-kitba tal-Malti. Għal dan il-għan jinkludi kemm lezzjonijiet prattiċi ta’ korrezzjoni, kif ukoll sessjonijiet fuq il-kitba u t-tiswija tal-Malti bil-kompjuter.

Huwa kors imfittex ħafna minn dawk kollha li jużaw il-Malti f’xogħolhom u fil-pubblikazzjonijiet, bħalma huma l-impjegati tad-dipartimenti tal-gvern, bħall-kunsilli lokali u entitajiet oħra tas-servizz pubbliku, l-impjegati tas-settur privat li jaħdmu f’kumpaniji, banek u aġenziji tal-assigurazzjoni fejn jintuża l-Malti miktub, dawk li jaħdmu fil-parroċċi, is-segretarji tal-iskejjel, l-għalliema tal-Malti u ta’ suġġetti oħra, dawk li jaħdmu fl-istamperiji, il-ġurnalisti u x-xandara (gazzetti, internet u televiżjoni), l-awturi u l-pubblikaturi, it-tradutturi, u kull min jixtieq jikteb il-Malti b’aktar kunfidenza.

Ara x'qalu dawk li għadhom kif temmew il-kors:

Testimonjanza
Testimonjanza
Testimonjanza
Testimonjanza

L-applikazzjonijiet fetħu diġà u jibqgħu jintlaqgħu sal-Ġimgħa, 13 ta’ Jannar 2017. Il-formola tal-applikazzjoni timtela u tintbagħat mis-sit tal-Università.

Tagħrif ieħor fuq dan il-kors universitarju u fuq l-applikazzjoni ssibu mill-paġna tal-kors.

 

20 ta' Diċembru 2016