Il-Malti fil-mezzi diġitali

Ikteb bil-Malti minn kompjuter, tablet jew mobile

Jekk tixtieq tikteb bil-Malti fil-mezzi diġitali, għadna kemm aġġornajna l-manwal tal-kompjuter bl-istruzzjonijiet li jiggwidawk kif tagħmel dan. Tista' tarah minn hawn taħt jew tniżżlu minn hawn.

Illum m'għadhiex problema biex tittajpja l-ittri tal-Malti (Ċċ, Ġġ, Ħħ, Żż, Àà, eċċ.) kemm jekk għandek kompjuter jew laptop bis-sistema Windows, kif ukoll bis-sistema Mac. M'hemm bżonn tniżżel u tinstalla xejn — kemm tattiva l-Malti bi proċedura sempliċi ta' darba, u tkun tista' tibqa' tikteb bl-Ingliż ukoll. Tista' tikteb bil-Malti wkoll minn tablet jew smartphone Android jew iOS bis-saħħa ta' żewġ apps li nħolqu apposta.

B'hekk tkun tista' tikteb bil-Malti f'kull programm diġitali u fil-posta elettronika wkoll, mhux fid-dokumenti biss, u tibqa' tuża t-tipi li inti mdorri/ja bihom bħall-Calibri, l-Arial, it-Times New Roman, l-Andika, il-Comic Sans, il-Helvetica, u l-bqija.

Il-manwal il-ġdid jinkludi s-sistemi Windows 8, 8.1 u 10, il-Mac, l-iOS u l-Android. Għal sistemi aktar antiki, tista' tirreferi għall-manwal ta' qablu.

F'dan il-manwal issib ukoll għadd ta' mistoqsijiet komuni, li spiss jidħlulna mingħand il-pubbliku, imwieġba.

Inħeġġu lil min juża l-aktar il-Malti miktub, bħall-ġurnalisti, l-għalliem, l-awturi u l-pubblikaturi, u t-tradutturi, biex jekk ikollhom xi mistoqsija relatata ma' dan is-suġġett, jiktbulna.

Tagħrif ieħor, bil-filmati, issibu mill-istazzjon tal-YouTube tal-Kunsill tal-Malti.