Stħarriġ Nazzjonali fuq il-Qagħda tal-Ilsien Malti

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università għamlu stħarriġ bi sħab mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fuq l-użu tal-Malti u l-Ingliż f’sitwazzjonijiet soċjali differenti. L-istħarriġ sar fuq kampjun ta’ ftit aktar minn elf ruħ ta’ bejn 18 u 80 sena biċ-ċittadinanza Maltija.

Ir-riżultati jindikaw li 97% tal-parteċipanti jqisu l-Malti bħala l-ewwel lingwa u juru ċar li f’Malta, pajjiż bilingwi espost ħafna għall-Ingliż, b’mod speċjali fil-kummerċ, fit-tagħlim, fil-komunikazzjoni u fil-ħajja ta’ kuljum, il-Malti hu b’saħħtu ħafna anki fost iż-żgħażagħ. Xejra ġenerali li jindika l-istħarriġ hi li biex int tirnexxi, biex toffri x-xogħol tiegħek, u biex toffri servizzi u prodotti fis-suq lokali, il-Malti hu u se jibqa’ importanti għall-komunikazzjoni mal-impjegaturi u mal-klijenti.

L-istħarriġ juri li l-Malti u l-Ingliż, aktar milli qegħdin f’kompetizzjoni, jikkumplimentaw lil xulxin u jintużaw f’ċirkostanzi differenti, ngħidu aħna, fil-kitba u fit-taħdit. Joħroġ ukoll li l-Maltin iridu aktar materjal bil-Malti, imma mhux a skapitu tal-Ingliż. Il-biċċa l-kbira tal-Maltin jaqblu li s-siti tal-Gvern, l-ittri u l-fuljetti li jirċievu d-dar, il-formoli u d-dokumenti uffiċjali, u t-tabelli tal-binjiet u l-postijiet pubbliċi għandhom ikunu bil-Malti u bl-Ingliż.

Fattur interessanti li joħroġ b’mod statistiku minn dan l-istħarriġ hu li l-parteċipanti jqisu r-reklami bil-Malti aktar effettivi. Barra minn hekk, il-Maltin jixtiequ jisimgħu iżjed mużika bil-Malti fuq ir-radjijiet.

Il-Kunsill tal-Malti u d-Dipartiment tal-Malti jemmnu li l-istħarriġ jixħet ukoll dawl fuq l-oqsma li hi meħtieġa aktar ħidma fihom biex inkomplu nsaħħu l-ħiliet fil-Malti u fl-Ingliż u, idealment fit-tielet lingwa, kif tirrakkomanda l-Unjoni Ewropea. Iż-żewġ entitajiet tal-Malti impenjati biex jaħdmu fuq dan mal-individwi u l-organizzazzjonijiet konċernati flimkien ma’ kull min hu lest jaħdem b’risq l-użu ndaqs taż-żewġ ilsna ta’ pajjiżna ħalli nkomplu nsarrfu l-bilingwiżmu uffiċjali tagħna fil-prattika.

Dokumenti

Biex tkun taf aktar dwar dan l-istħarriġ, ara d-dokumenti pprovduti hawn taħt:

 

24 ta’ Ġunju 2021