Privatezza

Nirringrazzjawk talli żort is-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Aħna impenjati li nħarsu l-privatezza ta’ min iżurna u ma niġbru l-ebda informazzjoni personali dwarek sakemm ma tagħtihilniex inti stess, minn jeddek. Kwalunkwe informazzjoni personali li tgħarrafna biha tinżamm fi ħdan in-Netwerk tal-Gvern ta' Malta (gov.mt), skont l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data 2001.

Dan l-Att għadda mill-Parlament fl-14 ta’ Diċembru 2001 u daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Lulju 2003. Għalhekk nimxu mad-dmir legali li nirrispettaw u nħarsu kull tip ta' informazzjoni personali li niġbru mingħandek. Nieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex nipprevenu aċċess mhux awtorizzat u ma ngħaddux id-dettalji miġbura mingħandek (bħala viżitatur) lil terzi persuni jew lil dipartimenti tal-Gvern, ħlief kif spjegat iżjed 'l isfel jew sakemm ma tatiniex il-kunsens tiegħek.

Jekk taqra jew tniżżel xi tagħrif mis-sit tagħna, aħna awtomatikament niġbru u naħżnu l-informazzjoni li ġejja, li mhix personali:

  • il-paġna li tidħol fiha u xi tkun niżżilt;
  • jekk it-talba li tkun għamilt inti rnexxietx jew le;
  • id-data u l-ħin ta' meta tkun dħalt fis-sit;
  • l-indirizz tas-sit li minnu tkun dħalt fis-sit tagħna jew l-isem tad-dominju tal-kompjuter li tkun qed tuża;
  • is-sistema operattiva li biha jaħdem il-kompjuter tiegħek u t-tip u l-verżjoni ta' web browser tiegħek.

Din l-informazzjoni la tingħata, la tinkera u lanqas tinbiegħ lil xi organizzazzjoni oħra.

Informazzjoni personali

Meta timla l-formola tal-paġna "Ikkuntattjana" jew tibagħtilna ittra elettronika, aħna nużaw l-informazzjoni personali li tgħaddilna biex inweġbuk u nagħtuk is-servizz li titlobna biss. Għal dan il-għan jista’ jkun hemm bżonn li ngħaddu l-messaġġ tiegħek lil xi ministeru, dipartiment jew entità oħra tal-Gvern. Sabiex nikkontrollaw il-kwalità tas-servizz li qed nipprovdu, aħna nżommu rekord tal-messaġġi li nirċievu u tal-azzjoni li nieħdu.  Tista’ titlob aċċess għal kull informazzjoni li jkollna dwarek u li jkollha x’taqsam mal-messaġġ tiegħek. Għandek ukoll id-dritt li tavżana biex nikkoreġi jew inħassru xi żbalji li jista' jkun hemm.

Ħoloq għal siti elettroniċi oħra

Fis-sit tagħna tista’ ssib xi ħoloq għal siti ta’ entitajiet u aġenziji oħra lokali u internazzjonali, kif ukoll ta' xi organizzazzjonijiet privati. Malli tidħol f'wieħed minn dawn is-siti esterni, ma tkunx għadek fis-sit tagħna u għalhekk tibda tgħoddlok il-politika tal-privatezza ta' dak is-sit li tkun fih.

Cookies

In-Netwerk tal-Gvern ta' Malta joħloq cookies biex jindika lis-server liema viżitatur ikun qed jitlob it-tali paġna. Dawn il-cookies jaħżnu t-tagħrif li jintbagħat mill-browser tiegħek – flimkien mas-sit – għal meta terġa' tidħol fis-sit tagħna. Il-browser tiegħek jirritorna dan it-tagħrif tal-cookies lid-dominju li minnu tkun oriġinat il-cookie biss, jiġifieri lil gov.mt. Ebda sit elettroniku ieħor ma jista' jitlob din l-informazzjoni. Meta terġa’ tidħol fis-sit tagħna, il-cookie terġa' tintbagħat lis-server mat-talba l-ġdida tiegħek.