Prosit!

Nifirħu lil...

Is-Sa Norma Saliba, preżentatriċi mal-PBS, li rebħet il-Premju għall-Aħjar Użu tal-Malti fix-Xandir fil-25 edizzjoni tal-Premjazzjoni tal-Ġurnalisti (Malta Journalism Awards) li ttellgħet mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin fil-15 ta' Mejju 2015.


 

Lis-Sur Mike Rosner u t-tim tiegħu tal-MetaNet4U mid-Dipartiment tas-Sistemi Intelliġenti tal-Kompjuter (ICS) fl-Università ta' Malta tar-riċerka u r-rapport estensiv 'Il-Lingwa Maltija fl-Era Diġitali' li ħarġu fuq il-Malti fil-qasam tat-teknoloġija, bħala parti mill-proġett Ewropew tal-META-NET biex tkun magħrufa l-qagħda ta' dawn il-lingwi fil-qasam tal-informatika ħalli jkunu mħarsa u żviluppati aktar il-lingwi Ewropew u l-multilingwiżmu diġitali permezz ta' strateġija komuni.

Għal tagħrif ieħor idħol f'dan is-sit u f'din il-paġna.


 

Lis-Sur Norman C. Borg għall-manwal tekniku li ħareġ għal min jixtieq joħloq ktieb elettroniku (e-book) u jippubblikah fuq l-internet. Għalkemm jeżistu ħafna kotba oħra bl-Ingliż dwar is-suġġett, dan il-manwal iħares lejn l-aspetti tekniċi tal-użu tal-Malti f’kompjuters, tablets u smartphones. Barra minn hekk joffri wkoll pariri dwar l-aħjar pubblikaturi elettroniċi li hawn bħalissa fis-suq u noti prattiċi dwar l-użu ta’ programmi differenti biex taħdem fuq dokumenti, toħloq formati differenti biex jinqraw minn apparati diġitali varji u fuq ix-xogħol bażiku grafiku għall-illustrazzjonijiet u t-tifsil tal-qoxra tal-ktieb.
 
Għal tagħrif ieħor dwar dan il-ktieb u għal diversi aġġornamenti f'dan il-qasam idħol f'dan is-sit.


 

Lill-Fondazzjoni għall-Aċċessibbiltà tat-Teknoloġija tal-Informatika talli qed tinvesti u tagħmel il-qari, il-kitba u s-smigħ bil-Malti aktar aċċessibbli mal-persuni b'diżabilità. Fost l-aħħar proġetti importanti insemmu l-programm li jaqra l-kitba bil-Malti (Maltese Speech Synthesizer). Għal tagħrif ieħor fuqu ara din u din. Il-programm tista' tniżżlu minn hawn.

Għall-proġetti l-oħra tal-FITA marbuta mal-Malti idħol f'dan is-sit jew f'dan il-grupp.


 

Lill-Kunsill tal-Istudenti Universitarji (KSU) għat-tabelli bilingwi li għamel fil-kampus tal-Università, l-Imsida. Nieħdu gost naraw li fil-postijiet pubbliċi ta' madwarna qed jiżdiedu t-tabelli bil-Malti u bl-Ingliż. Ħaġa sabiħa li tirrispetta l-lingwa nazzjonali tagħna li hi wkoll uffiċjali flimkien mal-Ingliż.


 

Liċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni tal-Konventwali Franġiskani ta' Malta għall-fuljett Jum il-Mulej, miktub b'Malti tajjeb, li jippubblikaw ta' kull ġimgħa u li jitqassam fil-knejjes ta' Malta u Għawdex bil-qari tal-quddiesa. Nieħdu gost naraw li diversi parroċċi jkollhom il-preżentazzjonijiet tagħhom miktuba tajjeb ukoll. 


L-Għaqda Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija li tippromwovi l-istudju akkademiku tal-Malti fi Bremen, il-Ġermanja. Grazzi lill-Prof. Thomas Stolz mill-Università ta' Bremen, kif ukoll lill-Prof. Ray Fabri u Prof. Albert Borg mill-Istitut tal-Lingwistika f'Malta, fost membri oħra. Fit-30 ta' Ġunju 2012 fl-istess università nfetaħ ukoll Ċentru għall-Istudju tal-Malti.

Ara dan l-artiklu. Idħol ukoll fis-sit tal-Għaqda


Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità għall-użu tajjeb tal-Malti fil-pubblikazzjonijiet li toħroġ. Nieħdu gost naraw entitajiet oħra tal-Gvern li jagħmlu bħalhom.


Inħeġġu lil oħrajn biex joħduhom b'eżempju u jaħdmu biex il-Malti jkompli jitħaddem u jintuża kif jixraq.