Seħer il-Malti

Id-Don tal-Ilsna

Il-bidliet kbar li seħħew fl-aħħar ħamsin sena, l-aktar fil-qasam soċjali u fil-komunikazzjonijiet, laqtu mhux ftit il-firxa tal-kuntatti umani u taw sura ġdida lill-mappa tal-lingwi Ewropej. Min sa issa kien jgħaddi bi lsien twelidu, issa jeħtieġlu jitgħallem ilsien ieħor u iktar, biex jikkomunika aħjar mad-dinja l-ġdida.

L-istituzzjonijiet Ewropej dan għarfuh kmieni u llum kollha mexjin fuq programm ta’ tifsil għal-lingwa li qed isejħulu “l-wieħed bi tnejn” (one plus two). Qed isostnu li kull ċittadin Ewropew, li dari forsi kien moqdi bi lsien twelidu, issa għandu jinfetaħ u jkun jaf mill-inqas żewġ lingwi oħra, sabiex ilkoll insiru nafu lil xulxin aħjar u nsaħħu l-ilsna sbieħ tad-dinja, li huma wirt kbir u għażiż.

Bosta gvernijiet, edukaturi u ġenituri qed jilqgħu din is-sejħa. Bosta qed jagħżlu li, barra lsien art twelidhom - li jiġi l-ewwel - jippromwovu wkoll l-Ingliż bħala lsien ta’ komunikazzjoni internazzjonali u miegħu lsien ieħor. U l-pjanijiet edukattivi tagħhom qed ifassluhom f’din id-direzzjoni.

F’Malta, tisma’ min jgħidlek li aħna “għandna d-don tal-ilsna”. U bir-raġun. Mhux għax aħna speċjali, jew aqwa minn ħaddieħor. Imma ċ-ċokon ukoll għandu l-vantaġġi tiegħu. F’pajjiżi wisq ikbar minna għan-nies kien biżżejjed li jitgħallmu l-lingwa tal-post. Imma f’Malta, għax aħna komunità żgħira u minn dejjem maħkuma, kellna bilfors nitgħallmu lsien ieħor b’firxa ikbar minn tagħna, dak tal-ħakkiem. Huwa għalhekk li llum għandna l-Malti u l-Ingliż bħala l-ilsna uffiċjali tagħna. U nitgħallmu t-Taljan, il-Franċiż, il-Ġermaniż u ilsna oħra. Dan huwa ġid kbir, u l-ġid dnub min iberbqu.

U hawn qiegħed il-bużillis. Għax waqt li fl-Ewropa lil min jaf ilsien wieħed qed iħabirku biex jgħallmuh żewġ ilsna oħra, hawn Malta ssib min - għax ma jafx l-affarijiet - qed jimxi bil-maqlub! Mhumiex ftit il-ġenituri li lil uliedhom itellgħuhom b’lingwa waħda biss, imqar jekk huma jkunu jafu żewġ lingwi jew aktar. Jagħmluhom ifqar minnhom.

Ftakar li, jekk inti tassew Ewropew, tgħożż qabelxejn ilsienek u miegħu l-ilsna l-oħra, u lil uliedek ma tfaqqarhomx, imma tgħaddilhom b’wirt id-don tal-ilsna.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-kurżitajiet l-oħra