Seħer il-Malti

Normali

Kultant issib ruħek f’xi ambjent soċjali magħluq fejn bilkemm ma jġegħlukx tħossok ħuta barra mill-ilma meta titkellem bil-Malti. Lil uliedek, għax jitkellmu bil-Malti, iqisuhom tfal tat-tieni klassi u jittantaw iwarrbuhom.

Issa meta tqis li qiegħed f’Malta u li l-Malti huwa mhux biss l-ilsien nazzjonali ta’ dan il-pajjiż imma wkoll ilsien uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dan huwa għajb kbir għaliex juri li Malta mhix pajjiż normali u mhix pajjiż Ewropew.

Fil-pajjiżi normali, u dan jgħallmuhulna sewwasew bosta barranin li jgħixu fostna, in-nies jitkellmu qabelxejn bi lsien art twelidhom, imqar jekk jitgħallmu tajjeb u jħobbu wkoll ilsna oħra. Għax hekk naturali. Ilsienhom jitgħallmuh qabel l-oħrajn, iħobbuh fuq l-oħrajn, jużawh kullimkien u ma jistħux minnu. La min-nisel, la mill-ħoss u lanqas mill-kitba tiegħu. Ma jfittxux li jibdluh biex iħossuhom aħjar minn ħuthom l-oħra, biex jinqatgħu minnhom, biex jippruvaw isiru “daqs ħaddieħor”.

Għax - jekk m’għandekx problema bik innifsek, jekk m’għandekx kumpless ta’ inferjorità ħdejn ħaddieħor - ma tistħix minn dak li hu tiegħek anzi tħossok imwettaq bih, tħossok kburi li, imqar jekk inti żgħir, għandek fehma, ilsien u identità li jagħmluk int, int sħiħ, la inqas u lanqas iktar minn ħaddieħor... hekk, normali.

Bħall-bqija tan-nies tad-dinja.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-kurżitajiet l-oħra