Seħer il-Malti

Ċempel: Tnejn Wieħed...

Bosta minna li jitkellmu tajjeb bil-Malti għandhom id-drawwa li, huma u jgħidu n-numri f’sensiela ta’ ċifri, bħalma jiġri fin-numri tat-telefown, jitilquhom bl-Ingliż. Tista’ tgħid, bla ma jintebħu. Kważi kważi, jiġuhom naturali...

Minn fejn ġejja din id-drawwa stramba li qed taqla’ barra n-numri Maltin mit-taħdit?

Jista’ jkun mill-fatt li n-numri Ingliżi nzertaw qosra, ħaġa li fil-ħajja mgħaġġla tal-lum jista’ jkollha l-piż tagħha. Imma forsi aktar minħabba li sa minn tfulitna għallmuna norbtu kull tagħlim tal-iskola mal-Ingliż, u mqar l-iktar somom ħfief drajna naħdmuhom u nħolluhom bl-Ingliż. Biex tkompli tagħqad, il-kotba kollha tal-matematika kienu bl-Ingliż ukoll.

F’sitwazzjoni bilingwi bħal ta’ Malta, dan ma jaħsadniex. Iżda tajjeb nirriflettu li l-għerf u t-tagħlim ma huma marbutin mal-ebda lingwa partikolari. M'hemmx lingwa waħda għat-tagħlim. Tista’ titgħallem u timxi ’l quddiem bit-Taljan, bir-Russu, bil-Malti, bil-Franċiż, bl-Ingliż u b’kull lingwa oħra. In-nies f’kull pajjiż jitgħallmu qabelxejn jaħsbu u jedukaw ruħhom bi lsienhom. U jgħoddu, u jgħidu sninhom u jagħtu n-numri bil-lingwa tagħhom.

Aħseb ftit f’dan meta tagħti n-numru tat-telefown tiegħek...  U agħmel il-qalb u ibda:  Tnejn wieħed...

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-kurżitajiet l-oħra