Seħer il-Malti

Indaqs bħall-ulied

Il-Malti lsien imħallat. Bħal ħafna u ħafna ilsna oħra, u forsi iktar minnhom. Xhieda ta’ storja twila, ta’ bosta ħakmiet, ta’ ħafna kuntatti. Jekk tieħu f’idejk il-gazzetta ta’ dalgħodu, issib l-aqwa xhieda ta’ dan. Quddiemek ifiġġ għadd kbir ta’ kliem, il-vokabolarju mżewwaq tal-Malti, imsensel kelma wara l-oħra: waħda mit-Taljan, oħra mill-Għarbi; kelma mill-Ingliż, oħra mill-ġdid Għarbija, imbagħad waħda Sqallija... Kull kelma hija fdal ta’ kuntatt, ta’ esperjenza li għexna flimkien mal-poplu - darba ħakkiem tagħna - li kien jużaha u li tahielna.

Tahielna u saret tagħna. Maltija. Ġieli bdilnielha l-ħoss tagħha kif għoġob lilna. Ġieli nbidlet it-tifsira, twessgħet jew djieqet skont l-ispazju li ħallejnielha. Spiss tajnieha l-plural tagħna (eż. skola > skejjel). Għammidnieha u daħlet mal-bqija, f’din ix-xmara ta’ kliem dejjem għaddej fuq fommna, dejjem iktar imżewwaq, dejjem iktar magħqud flimkien. Bħal familja kbira fejn it-tarbija l-ġdida titwieled u tintlaqa’ fost ħutha, jifirħu biha u tinseġ ħajjitha ma’ tagħhom.

Inqala’ kultant min - imqar b’fehma tajba - ried jagħżel bejniethom u jifridhom. Min ried jiċħad lill-kbir, u webbilna li l-Malti m’għandux mill-Għarbi, bħallikieku tista’ tgħatti x-xemx bl-għarbiel. Min wissiena li t-Taljan iniġġes u aħna rridu nkunu safjin. U mqar illum, ma jonqosx min il-kliem li daħal fi lsienna mill-Ingliż (bħal kompjuter u futbol) jgħidilna li mhux bin il-familja Maltija, għax forsi ġieli rah ukoll għand il-ġirien.

Kollu Malti, u kollu ndaqs. Min iħobb il-familja tal-kliem Malti, il-lingwa Maltija, ma jagħżilx bejniethom, ma jifridhomx, lil ħadd minnhom ma jkeċċi ’l barra għax kulħadd għandu postu. Anke jekk wieħed tfarfar u kiber, u l-ieħor għadu fuq id-dirgħajn. Imqar dan tal-aħħar, merħba bih.

Għax fil-familja Maltija ħadd mhu żejjed.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-kurżitajiet l-oħra