Seħer il-Malti

Bħat-talenti

Il-ħajja ġġib magħha bidliet bla waqfien. Kull min hu ħaj iġarrab il-bidla. U hekk il-lingwa.

Meta morna l-iskola, għallmuna r-regoli ta’ kif nippronunzjaw il-ħsejjes tal-lingwa, kif niktbuhom, kif nibnu l-kliem, imbagħad kif indommuh f’kullana ta’ ħsejjes ma taqta’ xejn, li biha bdejna nwasslu ħsibijietna u l-ħsus ta’ qalbna. U kien kollu tajjeb.

Imma t-tagħlim tal-lingwi fl-iskola spiss itellagħna bl-impressjoni li l-lingwa hija wieqfa, statika, magħluqa. Sett ta’ forom u regoli ċassi, fissi, eterni, li writniehom mingħand missirijietna biex nibqgħu ntennuhom matul ħajjitna u ngħadduhom qawwijin u sħaħ lil uliedna. Il-ħtieġa tat-tagħlim ta’ regoli sodi u ċari toqtol fina kull sens ta’ kreattività u inizjattiva. Il-lingwa nitgħallmuha bl-amment. U ssir bħad-90 pedina tat-tombla, u l-kelliem xogħlu biss li jtellagħhom mill-borża, waħda wara l-oħra, f’litanija ta’ monotonija kbira.

Imma l-lingwa mhix hekk. Mhix sett perfett ta’ kliem maħdum, imma firxa ta’ possibilitajiet. Mhix kodiċi ta’ forom stabbiliti, imma l-possibilità li tespandihom. Mhix għadira ta’ ilma qiegħed, imma xmara ta' ilma ġieri. U l-kliem, bħal ħut ħaj ileqq, għaddej jgħum ġo fiha, min dieħel fiha u min ħiereġ minnha b’enerġija kbira.

Int u titkellem jew tikteb, aħseb f’dan u tibżax tkun ġdid, frisk, innovattiv fil-lingwa tiegħek. Tiddejjaqx tissogra, għax min ma jilgħabx ma jirbaħx. Jekk ilsienek urittu mingħand missirijietek, illum huwa tiegħek u jrid jaqdik f’kull bżonn modern li għandek, irid jieħu s-sura ta’ ħsibijietek, il-qawwa ta’ fehmietek. Trid tħalli “ġmielu jintiseġ mal-ġrajjiet ta’ ħajtek”. Biex tgħaddih f’saħħtu, modern, aġġornat lil uliedek.

Bħat-talenti tal-parabbola, ilsienek trid turih id-dawl, u tħaddmu u tkattru, ħalli jagħtik il-frott. Ma tħallihx magħluq u moħbi. Għax fl-għeluq l-ebda siġra ma twarrad.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-kurżitajiet l-oħra