Seħer il-Malti

Il-ħażna tal-kliem

Qatt waqaft taħseb fuq il-ħażna tal-kliem fil-lingwa? U fuq il-ħażna tal-kliem li ġġorr miegħek inti stess?

Kull bniedem f’wiċċ id-dinja jerfa’ f’moħħu ħażna kbira ta’ kliem, kull kelma b’tifsira differenti. Mhux tqil biex tifhem li, iktar ma għandek kliem maħżun, iktar tista’ tfisser ruħek fuq ħwejjeġ differenti.

Għalkemm nitkellmu lingwa waħda, il-ħażna tal-kliem tiegħi mhix bħal tiegħek jew daqsha, għax tiegħi hija r-riżultat ta’ għadd ta’ esperjenzi u ċirkustanzi li sibt ruħi fihom jiena biss, u li huma differenti minn tiegħek. Waqt li l-Malti tiegħi fih bosta kliem li jaqbel ma’ tiegħek, fih ukoll kliem differenti għax marbut mal-impjieg tiegħi, mar-raħal fejn ngħix, mal-klassi soċjali tiegħi, man-nies li nagħmilha magħhom. F’dan is-sens nistgħu ngħidu li hemm tant “Maltijiet” daqskemm hemm Maltin, u li dak li nsejħulu “l-Malti” mhux ħlief il-ġabra, il-ġemgħa ta' dawn il-Maltijiet kollha tagħna flimkien.

Issa dan jgħodd ukoll meta nqabblu l-ilsna bejniethom. Ilsien b’vokabolarju żgħir aktarx issib li huwa lsien ta’ poplu li l-esperjenzi tiegħu ma kinux varjati ħafna u lsienu ma ħaddmux f’bosta oqsma differenti. Mill-banda l-oħra, ilsien li nfirex f’ħafna pajjiżi u tħaddem f’ħafna sitwazzjonijiet differenti maż-żmien jiġma’, jiżviluppa u jaħżen vokabolarju b’mijiet tal-eluf ta’ kliem. Mela l-ħażna ta’ kliem ta’ lingwa tirrifletti l-medda tal-ħsieb tal-poplu li jitkellimha. Tista’ tiċkien jew tikber skont kif titwessa’ jew tidjieq il-firxa ta’ ħsibijietu. Mhijiex wieqfa. Mhijiex għadira, imma xmara. Xmara li tgħaddi qajl qajl, bi kliem qadim ħiereġ minnha u bosta kliem ġdid jissieħeb u jitwaħħad magħha.

Fl-ilsna kkultivati, ma jdumx ma jinqala’ min jitħajjar jiġbor il-kliem mitħaddet u jdommu flimkien f’dizzjunarju tal-lingwa. L-ewwel ġabra kbira ta’ lsienna hija dik ta’ Ġan Franġisk Agius de Soldanis, Damma tal-Kliem... Imxerred fil-fomm tal-Maltin u l-Għawdxin: isem xieraq tassew! Warajha ġew ġabriet importanti oħra, bħal dik ta’ Mikiel Anton Vassalli, u fi żmienna d-dizzjunarji l-kbar: Il-Miklem Malti  (M-M) ta’ Erin Serracino Inglott u l-Maltese-English Dictionary ta’ Ġużè Aquilina, kapolavuri ta’ ġbir, tqassim u tifsir tal-kotra tal-kliem Malti.

Imma l-ħażna tal-Malti ma tiqafx hawn. Bħal xmara, tibqa’ sejra bil-kliem u t-tifsir li sikwit ifiġġ fuq fomm il-Maltin, kliem qadim li qatt ma ġie rreġistrat u kliem ġdid dieħel minn lingwi oħra jew żviluppat minn min iħaddem il-Malti, li llum infirex ’l hemm mil-limiti tar-raħal, ’l hemm minn xtutna, f’tant oqsma ġodda speċjalizzati, bħal ilsna Ewropej oħra b’esperjenzi ikbar minn tagħna. Il-Malti qiegħed jikber.

Jekk smajt b'xi kelma jew espressjoni li taħseb li mhix fid-dizzjunarju, għaddihielna minn hawn.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-kurżitajiet l-oħra