Seħer il-Malti

Ilsien Demokratiku

It-Taljan lingwa rikka li torbotna ma’ pajjiż Mediterranju bħalna, ġar tagħna, mogħni b’kull ġid kulturali u artistiku, u li miegħu għandna rabtiet mill-eqdem.

L-Ingliż illum huwa lsien internazzjonali ta’ siwi kbir għalina, u għandna x-xorti li ilu fostna fuq mitejn sena u laħaq rabba l-għeruq f’artna. Il-poplu Malti dan japprezzah u għalhekk qiegħdu bħala lsien uffiċjali mal-Malti u jixtieq li kull student ikun jaf ifisser ruħu sewwa bih.

Iżda, fost l-ilsna kollha, il-Malti biss huwa l-veru lsien ta’ din l-art u huwa l-uniku lsien b’appell tassew demokratiku.

Għax it-Taljan għamel żmien assoċjat ma’ klassi pprivileġġjata, u ta’ dan għad għandu diwi mqar fostna llum.

L-Ingliż huwa l-ilsien tal-aħħar ħakkiem tagħna, u b’xorti ħażina għad hawn fostna min għadu taħt il-mewġa tal-kolonjaliżmu, bħalma hawn min jinqeda bih biex joħloq firdiet ġodda, firdiet tal-klassi li la jixirqu lis-seklu mdawwal tagħna u lanqas lill-istess lingwa Ingliża li tista’ tkun mezz ta’ komunikazzjoni mill-aqwa.

Il-Malti biss qatt ma kien ilsien tal-ħakkiem jew ta’ xi klassi soċjali, imma mal-poplu Malti bata l-abbandun u l-umiljazzjoni ta’ sekli sħaħ u miegħu tela’ bit-tbatija l-għolja tal-qawmien u tal-identità. U llum iperper bħal bandiera fuq il-quċċata: l-aqwa sinjal tal-identità tagħna.

L-ilsien Malti, mitkellem u miktub kullimkien, fit-toroq, fil-ħwienet, fix-xogħol, fl-uffiċċji, fil-knejjes, fil-Parlament u fl-Unjoni Ewropea.

L-uniku lsien li jinftiehem mill-poplu kollu, li jgħaqqadna lkoll, l-uniku lsien tassew demokratiku.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-kurżitajiet l-oħra