Seħer il-Malti

Iż-żmien isajru l-bajtar

Hemm qawl Għarbi sabiħ ħafna li jgħid: As-sabr miftâħ al-faraħ (Is-sabar muftieħ il-ferħ)... Iġegħelni naħseb...

Illum li ngħixu ħajja hekk mgħaġġla, donna qed niġru wara l-minuti iżda tlifna l-valur taż-żmien, tar-ritmu naturali tal-ħajja, u d-don tas-sabar. Għandna kollox, minbarra l-ħin. Maqbudin fl-ingranaġġ tar-rutina li ddawwarna bla ħniena, donna m’għandniex sabar nistennew is-sebħ lil hinn mil-lejl, m’għandniex paċenzja ma’ xulxin, m’għadniex naraw lil hinn mill-ponta ta’ mneħirna. Nixorbu l-kafè instant, nieklu l-fast food u nibagħtu l-messaġġi qishom berqa... waqt li narawhom jieħdu għomor biex jaslu. Il-frott jinħataf nofsu nej, bla togħma minn ħdan is-siġra biex jilħaq is-suq, u l-injam għadu ilma jintefa’ fil-fran biex jitnixxef bla dewmien...  “We want it all and we want it now” huwa r-ritornell ta’ kanzunetta popolari li donnu sar il-motiv ta’ ħajjitna.

Imma, fil-fond ta’ qalbna, aħna lkoll nafu kemm għadu minnu l-qawl qadim li “ż-żmien isajru l-bajtar”.

Issa dan li qed ngħidu, kif jgħodd għall-ħajja kollha, jgħodd ukoll għal-lingwa. Għax din, bħall-frotta, tista’ tgħinha u toħolqilha l-kundizzjonijiet tajbin biex tiżviluppa, imma ma tistax tiddettalha r-ritmu tal-iżvilupp, ir-rata tal-bidla. Għaliex hija naturali. Bħall-injam u bħall-bajtra u bħan-natura kollha kemm hi. Mhijiex mgħaġġla... timxi mal-istaġuni u trid iż-żmien tagħha.

Inti ħu minn ilsienna. Kellu rebbiegħa twila, u kemm kienet twila! Ħadet elf sena. Elf sena li fihom l-għerq Għarbi tlaqqam bil-feles Rumanz fid-dalma taż-żmien. Għadda mill-iljieli kesħin tal-abbandun u ġarrab ukoll il-jiem tqal sajfija. Żaritu kemm-il darba n-naħla bieżla li mill-bogħod ġabitlu d-dakra. Imbierka d-dakra! Hekk sa fl-aħħar seħħ il-miraklu tal-għaqda tal-magħruf mal-mhux-magħruf, tal-qadim mal-ġdid. U feġġ l-ewwel rimi. Tant kliem imħallat, frott it-tlaqqigħ tal-elementi, f’kundizzjonijiet partikolari, man-newba u l-istaġun, prodott tas-sabar, prodott taż-żmien. U llum l-ilsien Malti, frott mill-iktar bnin, bħall-bajtra u l-ħawħa tar-raba’ tagħna. Mhux xogħol tal-ħatfa dan, ħabib, mhux xogħol tal-għaġla.

Is-sabar mhuwiex għażż, mhux rassenjazzjoni, mhux biża’ tal-futur. Huwa l-kuraġġ meqjus, imrażżan, għaref. Saħħtu ġejja mill-perseveranza, mit-twemmin sħiħ fil-għan aħħari, mill-imħabba siekta, determinata, iddedikata, kostanti. U minn fidi kbira fil-futur. Viżjoni.

Illum li l-Malti rikeb fuq ħafna mill-għawġ tal-imgħoddi u ġmielu qed jifrex il-friegħi u jħaddar, ejjew niftakru li jekk dan seħħ, kien biss għax kien hemm min, bis-sabar kollu u bi mħabba kbira, ħadem fis-skiet bla ma talab il-ħlas jew ir-riżultat ta’ malajr. Kien hemm min emmen fiż-żmien u bit-tbatija żera’ siġra li kien jaf li tieħu s-sekli biex twarrad, u li għad jieklu minnha wlied uliedu.

Ħabbna mill-bogħod, ħabbna bis-sabar. U aktarx kien hu li ma’ lsienna sabiħ ried iħallilna b’wirt l-għerf ta’ tiġribu: li “ż-żmien isajru l-bajtar.”

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-kurżitajiet l-oħra