Il-kelma ‘ġiex’ insibuha wkoll f’xi djaletti Għarab, għax mhijiex ħlief inverżjoni (teknikament tissejjaħ metateżi) tal-kelma ‘żewġ’.
Fl-Għarbi tal-Eġittu, ngħidu aħna, jgħidu ‘goż’ (hemmhekk il-ġ jgħiduha g). Fil-Malti jidher li żviluppat b’dan il-mod: *ġewż > *ġież > ġiex. Mhix ħaġa kbira li setgħet ġiet influwenzata mill-kelma ‘xelini’ li quddiemha kienet titqiegħed ta’ sikwit: *ġież+xelini > ġiex xelini.
Bħalma nsibu fid-Deċiżjonijiet 1, il-kelma ‘ġiex’ (bl-ie) tieħu wkoll it-t marbuta ‘ġixt’ (mingħajr ie), ngħidu aħna: ‘ġixt itfal’. Għalkemm din tismagħha ħafna, fil-kitba aktarx li tinħass inqas formali, proprju għax il-forma ‘żewġ’ hi meqjusa standard.
Prof. Manwel Mifsud
Forom ta’ kitba bħal ‘idejH’ u ‘tiegħU’ huma bħall-ħafna drawwiet li kellhom niesna dari biex juru l-vistu meta xi qarib jiġi nieqes. Kienu jaqilgħu l-ħbabat, ma jsajrux imma jieklu dak li jtuhom il-ħbieb, jagħmlu strixxa sewda mal-bieb u ma’ dirgħajhom (l-irġiel), u tant ħwejjeġ oħra. Illum dawn ma jsirux, lanqas biss noħolmu li nagħmluhom, imma dan ma jfissirx li r-rispett lejn il-qraba naqas. Infissru ruħna mod ieħor, b’mod li jaqbel iktar mal-ħajja li ngħixu llum.
L-istess dawn il-forom tal-kitba, mhumiex il-qofol tar-rispett lejn il-ħwejjeġ reliġjużi għeżież. U llum ma nħobbux nagħmluhom, anke għax l-ittri kapitali stess – ejja ngħiduha – bil-mod il-mod forsi għad jiġu mhedda mill-kitba “lajka” u “prożajka” tal-internet.
Fl-istess ħin, inħoss li għandu jkollna rispett sħiħ lejn min għadu marbut magħhom. Għax il-bidla m’għandhiex tkun imposta fuq min ma jħosshiex. Inkunu qed inġegħluh iġib ruħu kontra dak li jħoss – ħaġa li aħna niftaħru li llum ma nħobbux u ma rridux nagħmluha. Għalhekk, min ikun jikkoreġi test reliġjuż bħal dan, naħseb li d-deċiżjoni għandu jiddiskutiha ma’ “sid it-test”, ifakkru li din hi tip ta’ kitba li għoddha nqatgħet u li ma tingħoġobx mill-biċċa kbira kbira tal-qarrejja, imma mbagħad iħalli d-deċiżjoni f’idejh.
Fil-fehma tiegħi, qarrej tal-provi responsabbli għandu jinsisti li jikkoreġi l-iżbalji tal-kitba biss: f’dawn ma jistax iċedi jew jidħol f’kompromessi. Imma fejn jidħlu (a) inkonsistenzi f’xi varjanti u (b) forom bi stil differenti (bħalma qed insemmu), hemmhekk għandu jħalli l-aħħar għażla għal min għaddielu t-test.
Dawn ma jkunux kompromessi ta’ ħsara jew dgħjufija, imma ta’ moħħ miftuħ u liberali.
Prof. Manwel Mifsud
Kull min jiċċaqlaq minn pajjiż fejn ikun joqgħod għal ieħor jissejjaħ migrant.
Jekk narawh ħiereġ minn pajjiżu, insejħulu E-migrant, fejn e- hija varjant tal-prefiss Latin ex-, li jfisser “‘il barra mill-(pajjiż)”.
Jekk narawh dieħel fil-pajjiż, ngħidu li hu IM-migrant, fejn im- hija varjant tal-prefiss Rumanz in-, li jfisser “għal ġol-(pajjiż)”.
Minn Malta telqu bosta emigranti biex isibu xortihom f’artijiet oħra.
Imma Malta llum tilqa’ wkoll xi immigranti li ġew biex isibu kenn jew xorti ġdida f’pajjiżna.
Dawn huma kollha migranti.
Prof. Manwel Mifsud
Din hija varjanti ta’ taf li saret aktar komuni man-nies mill-oriġinal tagħha.
Niktbuha ta, mingħajr appostrofu.
Min jippreferi juża l-kelma taf sħiħa, jista’ juża lilha.
Naturalment, meta tkun trid tirreferi għall-prepożizzjoni ta’ (bl-Ingliż ‘of’), l-appostrofu trid tiktbu għax din m’għandhiex x’taqsam mal-kelma li spjegajna qabel. L-appostrofu jirrappreżenta l-konsonanti għ, li toħroġ f’forom oħra bħal tiegħi (mine) u tagħkom (yours).
Id-dokument Deċiżjonijiet 1 tal-Kunsill tal-Malti stabbilixxa differenza bejn:
(1) frażijiet/idjomi li fihom is-sens ta’ “Alla” (God) għadu ċar meta jingħadu (u f’dawn jinkiteb separat)
[eż. Alla jbierek/jbierku/jberikha; ‘k Alla jrid; eċċ.]. Kif jidher mill-eżempji, dawn huma frażijiet li għadhom jinbidlu skont il-każ (eż. jbierku/jberikha/jberikhom);
(2) oħrajn li fihom dan l-isem donnu ċċajpar fil-frażi u sar biċċa minn kelma waħda sħiħa (u allura l-isem inħall u tinkiteb il-kelma sħiħa bl-ittri -alla- fiha, bl-ewwel ittra fosthom -a- żgħira
[eż. jalla, allaħares, mnalla]. Dan il-kliem illum huwa ffossilizzat, jiġifieri ma jinbidel f’xejn qatt.
Waqt li f’tal-ewwel l-idea ta’ Alla bħala l-ħallieq u l-missier tal-ħolqien għadha ċara u qed tagħti qawwa lil dawn ix-xewqat, f’tat-tieni għoddha ntilfet għalkollox. Xhieda ta’ dan huwa l-fatt li ġieli saħansitra tisma’ lil min juża dawn tal-aħħar magħqudin ma’ xi xewqa ta’ deni jew ħsara, li ma tantx tista’ tintrabat mar-rieda divina! (eż. Jalla taqla’ ċitazzjoni oħra!).
Kellna wkoll ismijiet oħra li ġarrbu dan. Ngħidu aħna, in-nomi omm u iben huma moħbija, anzi maħlula, fil-kelmiet qodma: jommi (minn ja ommi!) u jabbni (minn ja ibni!), li llum qajla tismagħhom.
Għax l-aqwa ħaġa fil-kliem mhux tant il-ħoss li jagħmlu, imma l-ħsieb li jwasslu.
Prof. Manwel Mifsud
Il-kelma oriġinali kienet ĠOLĠOL (kif inhi fl-Għarbi) imma fil-Malti saret dik li nsejħulha dissimilazzjoni, li biha L-L nbidlu f’N-L u saret ĠONĠOL, bil-plural ĠNIEĠEL.
L-istess bħal: ĠULĠLIEN > ĠUNĠLIEN.
Prof. Manwel Mifsud
ĦODON tfisser l-ispazju ta’ bejn is-sider u d-dirgħajn magħqudin quddiem – minn hemm joħroġ il-verb ĦADDAN, li jfisser “żamm lil xi ħadd ma’ sidru filwaqt li dawru b’dirgħajh, għannqu”.
Imma ĦODON tirreferi wkoll għal kwantità, eż. ħodon silla = daqskemm tista’ tħaddan. Minn hemm, l-espressjoni “bil-ħodon” ġiet tfisser “bil-ħafna, bil-kwantità”. Fil-fatt, id-dizzjunarju ta’ Aquilina jagħti sewwasew l-espressjoni “xita bil-ħodon” u jfissirha “heavy rainfall/downpour”.
Prof. Manwel Mifsud
Il-verb MAXTAR huwa interessanti ħafna.
Għalkemm illum jista’ jitqies bħala kwadrilitteru, mhuwiex ta’ nisel Għarbi imma ġej mill-Isqalli MANGIATURA (fit-Taljan, ‘mangiatoia’) li tfisser ‘post fejn jieklu l-annimali’.
Bit-twaqqigħ tal-vokali -a-, il-kelma saret *MANĠTURA u mbagħad MAXTURA, kelma li fil-Malti għadha tintuża, għalkemm illum aktarx nisimgħuha biss fl-istorja tal-Milied.
Minn MAXTURA mbagħad issawwar il-verb kwadrilitteru MAXTAR, bit-tifsira “tiekol bħall-annimali, bil-ħatfa, bla etikett”. Interessanti li, għalkemm fl-aħħar mill-aħħar dal-verb ġej minn MANGIARE ‘tiekol’, minħabba li ħareġ direttament minn MAXTURA ħa dan is-sens peġġorattiv ta’ li tiekol bil-goff, bil-għaġla u bla manjieri.
Kos, kull kelma jista’ jkollha storja qadima, imħawra bi żviluppi u tifsiriet kurjużi… is-seħer tal-lingwa!
Prof. Manwel Mifsud
L-aċċent (`) – mhux l-appostrofu (‘) – fil-Malti jintuża biss biex juri fejn jaqa’ l-ħoss.
Mela l-kelma kafè tieħu l-aċċent għax dan jaqa’ fuq it-tieni sillaba (ka+fè), imma te hija monosillabika (kelma b’sillaba waħda) u, allura, m’hemmx bżonn nuri fejn jaqa’ l-aċċent għax huwa ovvju li jaqa’ fuqha stess. Bħalha għandna l-kelma re, ngħidu aħna.
Fil-Malti nsibu aċċent wieħed biss (`). L-aċċent bil-maqlub (´), fil-Malti ma jintużax. Mela niktbu realtà (mhux realtá). Biex tikteb vokali aċċentata fil-Malti, aqleb il-Language Bar tal-kompjuter tiegħek għall-Malti (ML/MLT) u agħfas il-buttuna ‘Alt Gr’ + il-vokali li trid. Għal tagħrif ieħor, ara dan il-manwal (p. 3).
Il-forom ‘agħtini’ u ‘tini’ tajbin it-tnejn. L-istess ‘agħtihom’ u ‘tihom’ jew ‘intuh’ u ‘nagħtuh’.
Xi wħud jikkoreġu l-forom imqassra għax jorbtuhom ma’ diskors informali. Imma dawn għandhom storja twila.
Biżżejjed niftakru fl-innu sabiħ ta’ Dun Karm ‘Tina l-ħlewwa tal-ilsna tas-sema’ jew il-kanzunetta magħrufa ta’ David Azzopardi ‘Tini jdejk’.
Dr Olvin Vella
L-ismijiet tal-qaddisin huma interessanti, iktar u iktar għax ma waslulniex kollha fl-istess żmien.
Hemm qaddisin “qodma” fil-kuntest Malti, u fl-ismijiet ta’ dawn aktarx insibu Santa (ġieli mqassra Sant’) għal mara. Għal raġel insibu San quddiem isem jibda b’konsonanti waħda, u Santu quddiem (a) isem jibda b’2 konsonanti jew (b) b’vokali, u allura titqassar Sant’.
Għalhekk insibu: Santa Kjara, imma Sant’Anna, Sant’Orsla.
U fost l-irġiel:
- San Pawl, San Pietru, San Ġorġ, San Tumas
- Santu Spirtu, Santu Kruċ, Santu Spirtu, Santu Rokku (ippronunzjat Santu Rrokku, kif issibu wkoll fl-Isqalli), Santu Wistin (minn Sant’Agustin)
- imma Sant’Antnin, Sant’Anton, Sant’Andrija, Sant’Ambroġ, Sant’Iermu, Sant’Anġlu
- (Insibu wkoll: San Alwiġi, San Anard, San Anastasju, San Elija, San Injazju, San Iżakk… – suġġett li għadu qed jistenna iżjed riċerka)
Dan jidher li kien wirt tal-influwenza Sqallija fil-Malti.
Mid-dehra, iktar tard (u aktarx qabel l-Ingliżi f’Malta) is-sistema bdiet tillivella dawn il-varjetajiet (l-iktar fl-użu uffiċjali) għal 2 forom bażiċi: San għal raġel u Santa (xorta mqassra Sant’ quddiem vokali, kif nagħmlu bi kliem bħal ta’/t’April) għal mara.
Xi Santujiet qodma u ffossilizzati baqgħu, oħrajn inbidlu jew hemm min qed jibdilhom. Il-każ ta’ Sant’Anton/San Anton huwa propju dan.
Fir-riċerka tal-għeruq ġenwini tagħna, għandna nduru u nistaqsu lill-poplu tal-post. U jidhirli (imma ma nistax inkun żgur bla riċerka) li r-riżultat iressaqna lejn Sant’Anton. U dan m’iniex qed ngħidu għax jien ngħid hekk.
Prof. Manwel Mifsud
Iktibha dejjem bl-artiklu. Issegwi mudell tal-avverb Malti li jinbena: bil- + nom/aġġ. bħal, ngħidu aħna, bil-kalma, bil-ħlewwa, bil-qawwi, bilwieqfa, u l-bqija.
Dan huwa wieħed mill-verbi kurjużi tal-Malti, għaliex huwa magħmul minn żewġ kelmiet, ħaġa li fil-grammatika Maltija ma tantx insibuha.
Innota din is-sentenza: Dan is-siġġu m’għandix x’nagħmel bih. Issa l-kelmiet nagħmel bih inħatfu u tqassru, u bdejna ngħidu xi ħaġa hekk: m’għandix x’nagħm(el)-bih (= nam.bih).
B’hekk inħoloq verb ġdid li jintuża biss fin-negattiv u dejjem bil-pronom mehmuż, f’din l-espressjoni m’għandux x’jambini (jambik, jambih, eċċ.).
Id-dizzjunarju ta’ Falzon (1845; 1882) jagħti wkoll il-forma passiva jixtamba, eż. siġġu li jixtamba (= li ssib x’tagħmel bih, li tista’ tużah għal xi ħaġa).
F’dizzjunarju għandu jidher bħala: amba (jambi), fejn l-għ oriġinali ta’ għamel tgħib għalkollox.
Prof. Manwel Mifsud
Minn MNEJN (SA)FEJN?
Fl-Għarbi “where? which place?” hija ’EJN? Fil-Malti ngħaqdu u ġew: FEJN (FI + EJN) “in which place?” u MNEJN (MINN + EJN) “from which place?”
U fl-Għarbi wkoll, “what? which thing?” hija EJ-Xej li fil-Malti saret -IEX.
-IEX imbagħad ingħaqdet ma’ xi prepożizzjonijiet u ffurmat: BIEX (BI + IEX) “with what?”, FIEX (FI + IEX) “in what?”, FUQIEX (FUQ + IEX) “on/about what?”, GĦALIEX (GĦAL + IEX) “why?/beacause”, u anke MNIEX (MINN imqassra + IEX) “from what?” fi frażi bħal ‘M’hemmx imniex’ jew, sempliċiment, “Mniex”, għal “You’re welcome”.
Kos, prodott tal-istess nies li kienu jaħdmu l-bizzilla.
Prof. Manwel Mifsud
Il-forma ‘jisraqilhom’, flok ‘jisirqilhom’, tinstema’ imma mhix rikonoxxuta fil-grammatika Maltija. Allura jaqbel li ma toħodhiex bħala mudell. Barra minn hekk, ma taħdimx dejjem – ħu l-każ ‘jisirquhielkom’… ma ngħidux ‘jisraquhielkom’.
Mela uża l-mudell ‘jisirqilhom’ u ikteb ‘jibagħtilhom’, u imxi mal-mudell ‘isirqilna’ u ikteb ‘ibagħtilna’.
Ngħidu: rajja f’idejja, rajk f’idejk, rajh f’idejh, eċċ.
Il-kelma raj hija qadima ħafna u ġejja mill-verb ra. Tfisser viżjoni (jiġifieri “li tkun taf fejn sejjer”).
Fil-poeżiji ġieli ssib il-frażi bla raj, li tfisser “bla direzzjoni, bla opinjoni, ma jafx fejn hu sejjer”.
Fil-ġabra tal-qwiel, Mikiel Anton Vassalli jagħti: Kull ħaj jista’ jkun bla raj (Ogni uomo vivente può essere privo di giudizio, senza senno).
Prof. Manwel Mifsud
Mill-għerq kwadrilitteru ĊKĊK (u onomatopejku, għax jimita l-ħoss veru), għandna dawn il-forom:
ĊEKĊIK (in-Nom Verbali: the act of clicking): instema’ bħal ċekċik minn wara l-bieb
ĊEKĊIKA (in-Nom Verbali tal-Unità: a click): kulma smajt ċekċika waħda u ntfietli l-karozza
ĊEKĊIEKA (in-Nom tal-Aġent femminili, li jintuża għall-għodda: a rattle): it-tarbija waqgħetilha ċ-ċekċieka
In-Nom tal-Aġent fil-femminil, barra li jindika persuna femminili li tagħmel l-azzjoni (ħajjata, qaddejja), spiss nużawh biex nindikaw l-għodda: ħabbata (knocker), laqqata (scoop), barraxa (scraper), ċekċieka (rattle) u xi oħrajn.
Prof. Manwel Mifsud
Tajjeb niftakru li dawk li l-Maltin isejħulhom ‘ġbejniet’, Għawdex isibuhom bil-kollettiv ‘ġobon’. Jgħidulek: “Niekol biċċa ħobż bil-ġobon”, jiġifieri bil-ġbejniet. Għalhekk, mill-kollettiv ‘ġobon’ joħorġu l-unità ‘ġobna’ (bl-aċċent djalettali ‘ġibna’), li għall-Maltin hija l-‘ġbejna’. Il-plural huwa ‘ġobniet’ (bl-aċċent djalettali ‘ġibniet’), li allura jiġu l-‘ġbejniet’ tal-Maltin.
Mela r-reklam li fih tingħad il-kelma ‘ġibniet’ qed jivvalorizza l-awtentiċità tal-ġbejna Għawdxija billi jinqeda bil-lingwa tal-lokal.
Prof. Manwel Mifsud
ĊAQLIQ issegwi mudelli oħrajn, bħal: TĦABRIK / ĦABRIEK
ĊAQLIQ hi l-azzjoni (nom verbali) – (suppost TĊAQLIQ, imma t-T tinxtorob fiċ-Ċ, għax ma nistgħux nippronunzjawhom separati u allura niktbu ĊAQLIQ).
ĊAQLIEQ hi min jagħmel din l-azzjoni (in-nom tal-ħaddiem) – fil-fatt, din il-forma ma tantx nużawha.
Eżatt bħal ĊAQLIQ għandna każ komuni ħafna:
XANDIR – l-azzjoni (minflok TXANDIR)
XANDAR – il-ħaddiem
Problema speċjali ta’ ĊAQLIQ / ĊAQLIEQ hi li, minħabba l-ħoss ta’ Q, iż-żewġ forom jispiċċaw jinstemgħu l-istess. L-istess jiġri fil-każ ta’ Ħ, eż. TISBIĦ (mhux tisbieħ).
Prof. Manwel Mifsud
Il-kelmiet responsabbiltà u responsabilità huma meqjusin tajbin it-tnejn. L-importanti li tagħżel forma minnhom u tkun konsistenti biha fil-kitba tiegħek.
Tal-ewwel (li hi l-iktar mifruxa fit-taħdit) ġiet manipulata iktar, tat-tieni hija prattikament kopja fonetika tal-kelma Taljana.
Doppjetti bħal dawn ma għandhomx jaħsduna jew iħawduna, u jistgħu jkunu r-riżultat kemm ta’ żvilupp intern fil-pronunzja tal-Malti matul iż-żmien, kif ukoll (u forsi iktar) tal-fatt li l-istess kelma setgħet intlaqgħet u ġiet ittrattata b’mod differenti miż-żewġ livelli tas-soċjetà Maltija, il-poplu monolingwi (li japplikalha l-fonetika Maltija) u l-grupp ta’ kultura bilingwi (li allura jaċċettaha kif tkun fil-mudell Taljan).
Il-Kunsill tal-Malti ħatar kumitat li qed jistudja dawn il-varjanti fonetiċi, li fi lsienna mhumiex ftit, bil-ħsieb li jinnota xejriet li jista’ jkun hemm fihom u jasal għal xi forma ta’ gwida fuqhom, bid-Deċiżjonijiet 3. Hawn qed nitkellmu fuq differenzi fil-pronunzja li jaffettwaw il-kitba tal-kelma.
L-imperattiv (il-kmand) fil-Malti jiġi eżatt bħall-imperfett (li ħafna jqisuh il-preżent), imma mingħajr il-prefiss (eż. l-imperfett: jiġri, jaqbeż, iressaq; l-imperattiv: iġri! aqbeż! ressaq!)
Mela anke hawn, li trid tagħmel hu li tieħu l-imperfett taż-żewġ verbi li għandek dubju fihom, u tneħħilhom il-prefiss tal-persuna:
IMPERFETT: huwa jsib IMPERATTIV: sib!
IMPERFETT: huwa jbigħ IMPERATTIV: bigħ!
Il-forma ‘biegħ’ teżisti fil-Malti, u tirreferi għall-perfett tat-tielet persuna maskili (huwa biegħ li kellu lbieraħ). Bħala mudell tista’ tieħu l-verb ‘ħiet’.
Il-partijiet tal-ġisem fil-Malti aktarx jintużaw fis-singular, anke meta nitkellmu fuq ħafna persuni.
Ir-raġuni hi li s-sintassi Maltija timxi bil-prinċipju ta’ “kulħadd għandu tiegħu” (fit-Taljan, “ciascuno il suo”).
WIĊĊ/WĊUĦ – Ngħidu: Ħasel wiċċu. U xorta ngħidu: Ħaslu wiċċhom (mhux: Ħaslu wċuħhom) għalkemm inkunu qed nitkellmu fuq ħafna. Għax kulħadd ħasel il-wieħed tiegħu.
Għalhekk ħafna plurali tal-partijiet tal-ġisem li nsibu fid-dizzjunarji nħossuhom imqanżħin.
Ngħidu aħna, jien qatt ma ħsibt fil-plural ta’ QADD, għax dejjem smajt: idejha fuq qaddha, nies fuq qaddhom, eċċ. Ma kellix għalfejn ngħid: nies fuq qdudhom/qadidhom/qaddijiethom, għaliex naf li kieku jidħqu bija.
U l-istess l-GĦARQUB – Ngħidu: Ħasel għarqubu (jekk 1) jew għarqbejh (jekk it-2), imma qatt ma ngħidu: Ħaslu għeriqibhom (l-għerieqeb tagħhom!). Ngħidu: ħaslu għarqubhom/għarqbejhom, qishom kienu persuna waħda, għax kulħadd ħasel tiegħu.
Mela għaliex insibu dawn il-plurali kollha bla użu?
Propjament, mhumiex bla użu. Ħafna minn dan il-kliem, kif nafu, għandu iktar minn tifsira waħda għax, mill-parti tal-ġisem jispiċċa jindika xi ħaġa li tixbahha, tifsira metaforika. Ilsien tal-art, xoffa jew widna ta’ kikkra, għarqub ta’ bieb, dahar ta’ siġġu, sieq il-mejda, u tant oħrajn.
U hawn jidħol l-użu tal-plural. Għax għalkemm jien ngħid: Ilsienu twil u lsienhom twil, meta niġi f’dawn l-użi metaforiċi nkun neħtieġ il-plural: dehru ħafna ilsna tan-nar, kosta li għandha bosta ilsna tal-art. Bl-istess mod, jien ngħid: ħakkejt dahri u ħakkew daharhom, imma mastrudaxxa jgħid ukoll “ħdimt dawn id-dahrien għas-siġġijiet”.
U allura l-plurali ma jibqgħux ħolqien bla bżonn, imma jistgħu jkunu ta’ siwi kbir biex inqiegħdu dawn l-użi metaforiċi fil-plural.
Ċertu kliem jibqa’ jintuża fil-plural biss, bħal ‘ħwawar’ (sg. ‘ħawwara’) u bħal din il-kelma ‘għelejjel’. Is-singular tagħha huwa ‘għalla’, li (barra l-kuruna tas-serduq) tfisser ‘prodott, dak li jiġi ġġenerat’. Mela ‘għelejjel’ tfisser:prodotti, l-uċuħ tar-raba’.
Idjoma ħarxa hija meta lil xi ħadd issejjaħlu ‘għalla belha’, li tfisser li huwa riżultat/prodott ta’ esperiment li ma rnexxiex. Tgħajjira iebsa ħafna, imma li spiss tintuża mingħajr l-iskop ta’ offiża.
Ħafna jaħsbuha ‘alla belha’, imma – apparti li m’hemmx rabta bejn alla u l-bluha – il-kelma alla (jew Alla) fil-Malti hija maskili, u allura l-aġġettiv belha ma jmurx tajjeb magħha.
Prof. Manwel Mifsud