Il-verb (jew hawnhekk il-psewdoverb) jaqbel dejjem mas-suġġett tas-sentenza.
Issa, fis-sentenza “Il-qawmien ta’ Ġesù hija l-aħbar l-iktar kbira.” is-suġġett huwa l-qawmien, nom maskili.
Mela rridu ngħidu: Il-qawmien ta’ Ġesù huwa l-aħbar l-iktar kbira…
IMMA, is-superlattiv ta’ kliem Semitiku – li għandu forma apposta fil-Malti – m’għandux isir bis-sistema maqsuma (li jkollhom jieħdu l-aġġettivi Rumanzi).
Mela, l-aħjar ikun li tgħid: l-ikbar aħbar (u mhux: l-aħbar l-iktar kbira, jew l-iktar aħbar kbira). Huwa superlattiv iqsar u iktar idjomatiku.
Għalhekk:
Il-qawmien ta’ Ġesù huwa l-ikbar aħbar jew L-ikbar aħbar hija l-qawmien ta’ Ġesù
Prof. Manwel Mifsud
Il-verb seta‘ nistgħu nibnuh fuq kiser
Mela, skont il-mudell (ma kisirx), suppost kellna niktbu *ma setagħx.
Imma l-ortografija tgħid li fil-verbi li jispiċċaw bl-appostrofu (= għ), dan jaqa’ u l-għ prattikament ma tidhirx aktar.
Mela niktbu: reġa’ / ma reġax, jitla’ / ma jitlax, jiltaqa’ / ma jiltaqax, seta’ / ma setax. Il-mejda mżegilga, se taqa’ u ma taqax.
Prof. Manwel Mifsud
Il-verbi neqsin huma ta’ żewġ tipi fil-Malti, skont kif jidhru fl-imperfett tagħhom:
1. QELA – jaqli / jaqlu
2. MELA – jimla / jimlew
Bil-pronom mehmuż, jiġu:
1. jaqluk (jifnuk, jarmuk, jisquk)
2. jimlewk (jinsewk, jidrawk, jaqrawk)
Mela jinsewk mhix eċċezzjoni. Qed timxi ma’ sħabha tal-istess klassi.
Prof. Manwel Mifsud
Verb bl-għerq SGħL irridu nibnuh fuq verb bħal SRQ.
La niktbu sraqna, niktbu wkoll: lgħabna, xgħelna, sgħolna – bħala verb.
In-nom jiġi sogħla. Bil-pronom mehmuż ma jiġix sogħlna imma sogħlitna, bħan-nomi kollha li jispiċċaw bl-a
(eż. kelma/kelmitna, ħidma/ħidmitna). Fil-fatt, dan ma tantx jingħad, għax aktarx ngħidu: is-sogħla tagħna.
Prof. Manwel Mifsud
B’xorti ħażina, in-Nomi tat-Tip (bħal: tursin, ħadid, xagħar, sapun, ċomb, tuffieħ, nemus, u bram) spiss jirreferu għalihom bħala “collective plural”.
Imma dawn grammatikalment mhuma plural xejn. Nużawhom dejjem fis-singular: tursin frisk (mhux friski), ħadid imsaddad (mhux imsaddin), xagħar twil (mhux twal), sapun ifuħ (mhux ifuħu), eċċ. għaliex inkunu qed nitkellmu fuq it-Tip, in-natura nfisha tal-oġġett, mhux fuq l-oġġetti/individwi/waħdiet li jkollhom dik in-natura.
Jekk inkunu rridu ngħoddu, allura mbagħad nagħmlu s-Singular (jew in-Nom tal-Unità) billi nżidu -a man-Nom tat-Tip: tursina, ħadida, xagħra, sapuna, ċomba, tuffieħa, nemusa, brama.
Imbagħad jekk inżidu -iet (jew -at) ikollna l-Plural (Plural Magħdud: għax nużawh biss fil-plurali minn 2-10): tursiniet, ħadidiet, xagħriet, ċombiet, sapuniet, tuffiħat, nemusiet, bramiet.
Ġieli mbagħad ikollna l-Plural tan-Nom tat-Tip, jiġifieri ħafna tipi, imma ftit huma n-nomi tat-tip li joħduh: spapen, qmuħ, tjur, krafes, dbieben, eċċ.
Mela fil-Malti m’għandniex is-sistema Singular/Plural biss, imma żewġ sistemi, waħda b’2 forom u l-oħra bi 3 (jew 4):
1 | ——- | SINGULAR | PLURAL | ——- |
——- | kelb | klieb | ——- | |
——- | torri | torrijiet | ——- | |
2 | NOM TAT-TIP | SINGULAR | PLURAL | (Plural tan-Nom tat-Tip) |
bram | brama | bramiet | ——- | |
qamħ | qamħa | qamħiet | qmuħ |
Prof. Manwel Mifsud
Il-kelma [bl-]imnut hi ta’ nisel Rumanz u ġejja mit-Taljan [vendere al] minuto. Naturalment, mhux minuto fis-sens ta’ ħin imma ta’ kwantità żgħira ħafna, bħal minute fl-Ingliż.
Tfisser: tbigħ fi kwantitajiet żgħar, bin-naqriet, bħalma jagħmlu l-bejjiegħa ż-żgħar fil-komunità tax-xerrejja.
Imma dal-bejjiegħ iż-żgħir ikun xtara l-biegħa mingħand il-bejjiegħ il-kbir (il-grossista) li jbigħ biss bl-ingrossa (u ġieli jkun l-importatur tal-biegħa).
Kos, dnub li għandna oqsma moqdija tant tajjeb bil-kelma Maltija li – sempliċiment sforz in-nuqqas ta’ għarfien tagħna – qed naħsbu li m’għandniex u mmorru niddubbawhom ħażin ħażin mingħand ħaddieħor. Dan filwaqt li f’oqsma oħra barra l-lingwa qed inkunu bravi u nisħqu fuq li nippreservaw il-wirt u niżviluppaw il-potenzjal lokali, bħall-inbid u ż-żejt taż-żebbuġa Maltija.
Prof. Manwel Mifsud
Spiss jistaqsuna: meta jkolli poeżija li nkitbet b’ortografija antika u fiha jkun hemm kliem bħal ‘agħsafar’ u ‘ta’ l-iskola’, meta niġi biex nużaha llum niktibha kif kitibha l-poeta jew għandi “nikkoreġiha”?
F’diskussjoni dwar l-ortografija, jista’ jkun meħtieġ li żżomm il-kitba oriġinali, għax din tkun importanti għall-argument. Mill-bqija, ma jagħmilx sens li tirriproduċi l-kitba bl-ortografija eżatta ta’ kif kitiba l-awtur. L-awtur kiteb skont il-kitba ta’ żmienu. Mela, kieku kien qed jikteb issa, kien jikteb skont il-kitba tal-lum. Għax l-ortografija hija biss mezz biex twassal il-ħoss (u allura l-idea) li jkollok f’moħħok. B’hekk ma toħloqx diffikultà żejda lill-qarrej tal-lum. Naturalment, basta toqgħod attent/a li taqleb eżatt u ma tibdel xejn mis-sens oriġinali.
M’hemmx regola fissa li wieħed għandu jsegwi. Jien nifhimha li min ikun irid jgħaddi messaġġ/fehma/ħsieb, irid jagħmel ħiltu kollha biex iwasslu bl-aħjar mod u bl-aktar mod li jiggarantilu l-komunikazzjoni sħiħa. F’dan is-sens, kitba b’ortografija qadima xi ftit ittellef lill-qarrej u allura nippreferi li kieku nġib kollox għall-kitba ta’ żmienna (sakemm, kif għedt, ma jkunx f’diskussjoni dwar l-ortografija nfisha).
Naturalment, madwarna nsibu ħafna skrizzjonijiet li saru fi żminijiet oħra u li nkitbu bl-ortografija ta’ żmienhom, u dawn jibqgħu tifkira tal-iżvilupp tal-ortografija matul iż-żmien. Għandhom valur storiku miżjud. Kemm hu sabiħ tara, ngħidu aħna, l-arkata tas-Santwarju tal-Mellieħa bil-kliem bl-ortografija ta’ Vassalli “Fik temgħu missirijietna, temgħu u inti smajthom”. Imma dik ħaġa oħra, għax hija kitba awtentika li saret fi żmienu stess.
Prof. Manwel Mifsud
L-ark li jagħti għall-bitħa tas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa fl-2019 għalaq 300 sena
Dan huwa element interessanti ħafna għax, jidher li, meta daħal fil-Malti żamm l-istess funzjoni li kellu fit-Taljan imma applikaha għas-sitwazzjoni ġdida Maltija. Il-funzjoni tiegħu ġeneralment hija li – bħaċ-Ċirinew – iġorr il-piż ta’ ħaddieħor, jiġifieri jieħu l-piż tal-aċċent ewlieni meta dan ikun se jaqa’ fuq iz-zokk tal-verb biex iħalli z-zokk tal-kelma ħafif kemm jista’ jkun. Għax meta ma jiġrix hemm, il-kelma donnha tistona.
Mela: jiena gGARANT-ejt (hawn -ixx- ma tidħolx għax l-aċċent qiegħed fuq l-e tas-suffiss u mhux fuq iz-zokk, miktub b’ittri kbar). Imma: jiena nigGARANT-ixx-i (-ixx- tidħol tieħu l-aċċent, għax inkella l-aċċent ikollu jaqa’ fuq iz-zokk: jigGARANT-i).
Normalment, l-infiss -ixx- ma jintużax meta nżidu xi suffiss, sewwasew għall-istess raġuni, għaliex imbagħad is-suffiss jieħu l-aċċent u l-ixx ma jkunx hemm bżonnha. Dan jiġri:
Mela, skont dan l-istudju, il-forma mitluba hija ma jiggarantix. Bħalha għandna kliem ieħor, ngħidu aħna, ma jikkostitwix.
Din it-tabella turi fejn jidħol dan l-infiss u fejn le fil-konjugazzjoni ta’ verb ieħor tipiku (l-aċċent jidher b’tipa skura).
Prof. Manwel Mifsud
L-għerq tal-verb ragħa (he grazed) huwa R.Għ.J.
Mela hawn għandna għerq ftit anomalu, għax:
1. huwa nieqes (għandu t-tielet konsonanti dgħajfa);
2. għandu Għ bħala t-tieni konsonanti tal-għerq.
Bħala nieqes, għandu jimxi bħal għeruq neqsin oħra: B.N.J, Q.R.J, K.R.J, GĦ.N.J.
In-Nom tal-Ħaddiem (li s-soltu jkollu dil-forma: 1v22ā3), mal-għeruq neqsin isir: 1v22vj.
Eż. bennej, qarrej, kerrej, għannej bil-plural bennejja, qarrejja, kerrejja, għannejja.
Fuq dan il-mudell, in-Nom tal-Ħaddiem ta’ R.Għ.J għandu jkun: ragħgħaj, plur. ragħgħajja. Imma l-għ ma tistax tinkiteb doppja, u minflokha niktbu waħda.
Eż. lagħgħab > lagħab (min jilgħab il-flus).
U bħalu: ragħgħaj > ragħaj (min jirgħa), u l-plur. ragħgħajja > ragħajja.
Mela, in-Nom tal-Ħaddiem huwa: m. ragħaj, f. ragħajja, plur. ragħajja.
Prof. Manwel Mifsud
Fil-każ ta’ kontra, il-pronunzja tidher li hija [ij] fil-forom kollha: kontrija, kontrik, kontrih/kontriha, kontrina, kontrikom, kontrihom.
Imma filwaqt li r-riżultat quddiem -k, -na, -kom huwa ċar mill-pronunzja, quddiem il-forom bl-h (-h, -ha, -hom) jista’ jagħti lok għal 2 interpretazzjonijiet (eż. kontrieh/kontrih?).
Naturalment, fuq is-saħħa tal-forom iċ-ċari naslu biex ninterpretaw u nħollu l-ambigwità tal-oħrajn (u allura niktbu: kontri-ha u naqtgħu kontrie-ha).
Dan hu eżatt dak li jiġri dejjem fi kliem bħal: bi-ja, -k, -na, -kom… bi-h, bi-ha, bi-hom.
Barra minn hekk, it-taqsima 3.2.7 tad-Deċiżjonijiet 1 tindika b’mod ċar:
3.2.7 Il-prepożizzjoni ‘kontra’ bil-pronomi mehmużin
“Meta l-pronomi personali jinhemżu mal-prepożizzjoni ‘kontra’ jinkitbu hekk: kontrija, kontrik, kontrih, kontriha, kontrina, kontrikom, kontrihom.”
Prof. Manwel Mifsud
Dawn it-tnejn jingħadu u t-tnejn aċċettati.
Żbagħt hija verb sħiħ, bħal ksirt, fraħt u tlabt.
Żbajt timxi mal-mudell xbajt, bżajt u tlajt.
Hawn min jiżba’ u hawn min jiżbogħ…
Soluzzjonijiet bħal dawn (għal problemi relattivament ġodda) ma jaqgħux mis-sema, u ma jivvintahomx min jistudja l-lingwa.
Ifittixhom fil-lingwa stess, fuq fomm in-nies, u – iktar iva milli le – isib tweġiba li jista’ japplikaha għall-każ ġdid tiegħu.
Issa l-Malti forsi ma kellux id-deċimali minn dejjem, imma frazzjonijiet kellu.
Jekk ikollna “5 and a half gallons of water” ilkoll ngħidu ħames galluni u nofs ilma (u mhux ħamsa u nofs galluni ilma). Mela fil-Malti l-ewwel tagħti l-kejl is-sħiħ u mbagħad issemmi l-frazzjoni tas-sħiħ.
Għalhekk, b’dan il-mudell tal-frazzjonijiet nista’ nsolvi l-problema tad-deċimali.
Mela, bil-mudell ta’ ħames galluni u nofs nista’ nibni:
– wieħed u sittin millimetru punt tlieta (u mhux wieħed u sittin punt tlieta millimetri)
– erba’ litri punt sebgħa (u mhux erbgħa punt seba’ litri)
– seba’ gradi punt tnejn (u mhux sebgħa punt tnejn gradi)
Iktibhom skont kif taqrahom. U minħabba li din is-soluzzjoni timxi mas-sintassi li dejjem uża l-kelliem Malti, tinħass ħafna iktar naturali u ħafna inqas imqanżħa.
Prof. Manwel Mifsud
Hawn m’għandniex żewġ vokali separati (fo-to-vol-ta-i-ċi) imma dittong (fotovol-taj-ċi).
Mela ikteb fotovoltajċi.
Prof. Manwel Mifsud
Ejja nagħmlu distinzjoni żgħira.
(1) il-prefissi jinkitbu mal-kelma
Innota li meta jkollna kelma bi prefiss, ir-“ras” tal-espressjoni (i.e. l-iktar parti ċentrali jew importanti) tkun il-kelma l-oħra u mhux il-prefiss
Eż. psewdokulturali: hawnhekk ir-ras hija kulturali, u psewdo qed timmodifika dik it-tifsira bażika tar-ras (kulturali, imma taparsi).
(2) każi bħal linji gwida, pajjiżi membri
Hawnhekk linji u pajjiżi mhumiex prefiss, għax fil-fatt huma l-irjus tal-frażi; gwida u membri għandhom biss funzjoni ta’ aġġettiv (i.e. huma qabelxejn linji imma li jservu ta’ gwida; u pajjiżi, imma assoċjati jew imseħbin…)
Mela hawn ma tidħolx ir-regola tal-prefissi, għax dawn nom + aġġettiv normali. U jinkitbu bħall-każi l-oħra kollha: kamra spazjuża, linja gwida, pajjiż membru.
Prof. Manwel Mifsud
L-aħjar mod kif tikteb dawn l-avverbji hu billi tieħu l-aġġettiv femminili tagħhom u żżid is-suffiss -ment miegħu.
Mela:
Aġġ. femm. | Suffiss | Avverbju |
awtomatika | +ment | awtomatikament |
mużikali | +ment | mużikalment |
fidila | +ment | fedelment |
Prof. Manwel Mifsud
Aktar milli kwistjoni ta’ etika din il-frażi aktarx li hi marbuta mal-konswetudni lingwistika.
L-Ingliżi jgħidu: “You and I” u l-Maltin: “Jien u int”. L-ebda waħda mhi iktar ‘pulita’ jew ‘etika’ mill-oħra. Sempliċiment kwistjoni ta’ mod differenti ta’ kif tindirizza l-istess sitwazzjoni.
U daqskemm ikun sfurzat li Ingliż jgħid “I and you”, daqshekk ieħor ma jkunx naturali Malti li jgħid “int u jien”.
U marbuta magħha…
Fil-Malti tista’ tuża kemm il-pronom personali l-imqassar u kemm is-sħiħ. Mela: jien, int, hu u hi huma tajbin daqs jiena, inti, huwa u hija fi kwalunkwe kuntest.
Prof. Manwel Mifsud
Il-forma sħiħa hija nagħtik, u l-għerq tagħha huwa għ-t-j. Il-kurjuża hi li dan l-għerq:
fl-Imperfett jitlef l-aħħar konsonanti tal-għerq: għ–t-(j), eż. nagħti (għax verb nieqes, jiġifieri l-aħħar konsonanti hi dgħajfa),
u fil-Perfett jitlef l-ewwel konsonanti tal-għerq: (għ)-t–j, eż. tajt (għax l-għ f’dil-pożizzjoni ġieli tbati).
Biss, anke fl-Imperfett/Imperattiv ġieli tintuża l-forma mqassra (mingħajr għ): nagħtik/ntik, jagħtuk/jtuk, agħtuni/tuni, agħtih/tih.
Issa ġieli ssib min jgħidlek li din mhix tajba. Imma l-fatt li hija forma mqassra ma jfissirx li mhix tajba. Hekk, ngħidu aħna, qed hija l-forma mqassra ta’ qiegħed/qiegħda/qegħdin, u ser hija l-forma mqassra ta’ sejjer/sejra/sejrin, imma xorta jitqiesu tajbin. U dan jgħodd ukoll għall-forom imqassra ntik, eċċ.
Dan huwa kkonfermat ukoll mil-letteratura. Pereżempju, innu klassiku ta’ Dun Karm jibda: “Tina l-ħlewwa tal-ilsna tas-sema…” Anke David Azzopardi kitbilna kanzunetta sabiħa u popolari li tgħidilna: “Tini jdejk, jekk trid li naslu…”
Għandna żewġ forom – waħda mqassra u l-oħra sħiħa – tajbin it-tnejn, uża dik li tippreferi.
Prof. Manwel Mifsud
Fil-Malti, il-pronom mehmuż tal-ewwel persuna singular wara verb huwa dejjem -ni.
Ejja nieħdu ftit eżempji:
jara | > | jara-ni |
jsib | > | jsib-ni |
MELA: jgħin | > | jgħin-ni |
U l-istess għall-forom l-oħra tagħha (eż. l-imperattiv “għin-ni” / “għin-na“), kif jidher tajjeb f’din il-grafika ta’ maratona lokali.
Fil-Malti għandna kliem bħal
ksur (nom verbali) kisra (nom verbali tal-unità – waħda) u kisriet (plural magħdud).
Bħalha: ftehim (nom verbali) – ftehima (nom tal-unità) – ftehimiet (plural magħdud)
– ftehim tagħti l-kunċett ġenerali, il-fatt li wieħed ikun lest biex jiftiehem ma’ ħaddieħor (eż. “il-ftehim bejn l-aħwa sabiħ”). Importanti li n-nom verbali “ftehim” ma jintużax fil-plural.
– ftehima tiġi okkażjoni waħda ta’ “ftehim”, akkordju ta’ darba. Mela strettament meta jiġi ffirmat akkordju suppost għandu jingħad: “saret ftehima bejn Malta u l-Belġju”.
– ftehimiet tiġi l-plural ta’ ftehima.
Issa fil-prattika sikwit jiġri li l-azzjoni waħda, li għaliha hemm in-nom tal-unità, titwassal permezz tan-nom verbali. Dan isir għax, fl-aħħar mill-aħħar, meta jseħħ akkordju wieħed, dan ikun twettiq wieħed tal-ftehim inġenerali; ftehim ta’ darba.
Innota li ngħidu wkoll: “wara l-quddiesa ssir il-ġabra” jew “wara l-quddiesa jsir il-ġbir”, għax kull “ġabra” hi każ wieħed ta’ “ġbir”.
L-istess ġara fil-każ ta’ “ftehim”. Meta xi ġurnalisti bdew jużaw in-nom verbali (ftehim) flok in-nom tal-unità (ftehima) għal azzjoni waħda (eż. “ġie ffirmat ftehim” flok “ġiet iffirmata ftehima”), ma kien ġara xejn u kulħadd fehemhom. Imma mbagħad meta ġew bżonn il-plural, sabu ruħhom fi sqaq. Kieku kienu użaw “ftehima”, allura kienu jkunu jistgħu jużaw il-plural “ftehimiet”. Minflok hekk, xi wħud biddlu l-istruttura tal-kelma għax bdew jużaw “ftehim” (li hija singular) bħala plural, f’espressjonijiet li mhumiex grammatikalment korretti, bħal: “ġew iffirmati żewġ ftehim” (flok “żewġ ftehimiet”). B’hekk ħarġu b’nom verbali li hu invarjabbli, jiġifieri bħal speċi jibqa’ l-istess fis-singular u fil-plural!
U dan mhux ma’ “ftehim” biss, għax sikwit tisma’ xi żarżira bħal: “Se jkun hemm ħames ġbir” minflok “Se jkun hemm ħames ġabriet”.
L-istess ħaġa tgħodd għal: tkabbir – tkabbira – tkabbiriet. Dawn ukoll huma grammatikalment korretti, u fil-fatt joffru l-medda kollha tal-forom meħtieġa.
Għax il-lingwa bħan-natura, meta tbagħbas iżżejjed magħha taf tagħtik it-tagħlima tagħha. Bil-kwiet.
Trid taqra aktar?
In-nomi verbali jġibu ruħhom bħall-kollettiv. Dawn huma ftit eżempji:
Kollettiv (Nom tat-Tip) | Nom tal-Unità | Plural Magħdud | ||
ful | fula | fuliet | ||
bini | binja | binjiet | ||
injam | injama | injamiet | ||
briks | briksa | briksiet |
Kompli aqra fuqhom mill-ktiba “The Collective in Maltese” (M. Mifsud).
Il-plural tad-diminuttiv (li jagħti l-idea ta’ ċokon jew ħlewwa) huwa argument interessanti.
Id-diminuttiv maskili (eż. ktejjeb) jidher li ma għandux forma plurali.
Fl-istess ħin, id-diminuttiv femminili (eż. tfajla) jieħu l-plural normali ta’ ħafna nomi li jispiċċaw bl-a, jiġifieri -iet (eż. tfajliet).
Imma, b’kumbinazzjoni, il-forma 12vjjv3, li taqdi lid-diminuttiv maskil (bħal ktejjeb), tintuża wkoll għal waħda mill-forom komuni tal-plural miksur (eż. ħuġġieġa/ħġejjeġ, storja/stejjer). Forsi l-eżempju klassiku hawnhekk huwa tal-kelma rħajjel li, kif jixhdu d-dizzjunarji tal-Malti, fl-imgħoddi ntużat kemm fis-sens diminuttiv ta’ “raħal żgħir, hamlet” kif ukoll fis-sens plurali ta’ “rħula”, kif jużaha Mikiel Anton Vassalli meta jiddeskrivi z-zoni djalettali bħala l-irħajjel [= l-irħula] ta’ fuq, l-irħajjel t’isfel, eċċ.
Għax il-lingwa għandha l-ekonomija tagħha, u mhux rari li tuża l-istess forma għal żewġ funzjonijiet differenti jew iktar (eż. 12ā3 tintuża (1) bħala plural: twil/twal, sabiħ/sbieħ, (2) għad-9 forma verbali: huwa twal, sbieħ, ċkien, (3) bħala nom verbali: ħlas, ħsad, skiet).
L-użu doppju tal-forma 12vjjv3 jispjega għaliex nużaw ktejjeb mhux biss bħala diminuttiv, imma wkoll (la għandha anke l-użu ta’ plural) bħala “plural tagħha stess”! U hu għalhekk li qatt ma nħass il-bżonn ta’ plural tad-diminuttiv maskil: l-ewwel nett għax aktarx huwa każ ftit rari li niġu bżonnu, u t-tieni għar-raġuni li ddiskutejna hawn fuq.
U għalhekk il-Malti jżomm l-istess forma għall-plural ukoll, li taf ma tkunx komda meta tismagħha għall-ewwel darba:
eż. xtrajt erba’ ktejjeb, ġew biss xi seba’ tfajjel, daħlu ftit xwejjaħ.
Issa hawn qed nitkellmu biss fuq id-diminuttiv tan-nom. Għax ma rridux ninsew li fuq l-istess forma nibnu diversi aġġettivi, bħal fqajjar, sbejjaħ, eċċ. Imma hawn il-problema ma teżistix, għax faċli nżidu l-plural komuni tal-partiċipji/aġġettivi -in bil-varjant -a, u jkollna fqajrin, sbejħin jew fqajra, sbejħa. U ngħidu: rgħajja fqajrin, persuni sbejħa. Dawn huma aċċettabbli aktar għal ħafna.
Issa jidher li din il-pluralizzazzjoni tal-aġġettivi diminuttivi ma tistax tissuġġerilna li nużaw l-istess soluzzjoni għall-plural tan-nomi diminuttivi. Jekk nieħdu l-istess sentenzi li tajna hawn fuq bħala eżempji, ikollna xi ħaġa bħal: *xtrajt erba’ ktejbin, *ġew biss xi seba’ tfajlin, *daħlu ftit xwejħin/xwejħa, li ma jdoqqux, anke għaliex -in/-a huwa plural rari ħafna man-nomi (eż. qaddisin, qassisin, snin).
Kif qed naraw, il-lingwa magħmula minn bosta sistemi u sottosistemi moħbijin li mbagħad fil-wiċċ jiddeċiedu xi jkun aċċettabbli għall-kelliem u s-semmiegħ.
Prof. Manwel Mifsud
Il-kelmiet għads u għadis huma t-tnejn nomi verbali tal-verb għodos.
Kull verb jista’ jkollu 2 nomi verbali differenti, eż. tilef: telf/telfien; ħarat: ħart/ħrit.
Daqstant ieħor għodos jista’ jkollu 2 nomi verbali:
1. għads (1v23, eż. talb, telf, serq, ħart, mard);
2. għadis (1v2ii3, li fil-fatt huwa l-varjant ta’ 12ii3, u li nsibuh meta 1 tkun għ – mela, qbiż, żfin, ħbit IMMA għemil, għorik, għasir).
Naturalment, iż-żewġ nomi verbali jagħtuna l-istess nomi verbali tal-unità:
1. talb/talba, telf/telfa;
2. għemil/għamla, għorik/għarka;
Mela, fil-każ tagħna – 1. għads/għadsa 2. għadis/għadsa.
U għalhekk:
għads, nv. (nv.u. għadsa)…… għadis, nv. (nv.u. għadsa)……
Prof. Manwel Mifsud
Jehdew u jedhew it-tnejn jeżistu u għandhom tifsira differenti minn xulxin.
Il-verb jehdew (mamma: heda) tfisser: jieqfu milli jkunu qed jagħmlu, jikkalmaw.
Il-verb jedhew (mamma: deha) tfisser: jgħaddu ż-żmien f’xi ħaġa.
Olvin Vella
Fil-Malti huma ħafna n-nomi li jieħdu iktar minn plural wieħed, u spiss dawn ikunu wieħed plural sħiħ u l-ieħor plural miksur.
Fost dawn in-nomi nsibu wħud ta’ nisel Semitiku (bħal triq: triqat/toroq) u ħafna ta’ nisel Rumanz (bħal bolla: bolli/bolol; kaxxa: kaxxi/kaxex). Ma’ dawn tal-aħħar tista’ żżid ingravata, li għal xi wħud għandha l-plural sħiħ ingravati waqt li għal xi oħrajn tieħu l-plural ingravajjet.
Il-kelma ingravati hija plural sħiħ biż-żieda tas-suffiss -i.
Il-kelma ingravajjet hija plural miksur “b’differenza”, għax fil-fatt tixbah il-plurali miksurin bħal ħġejjeġ, ftajjar, imma fuq quddiem, minflok 2 konsonanti (bħal: ħġ-, ft-), għandha 2 sillabi sħaħ (ingrav-). Dan huwa tip ta’ plural li nsibuh biss mal-kliem ta’ nisel barrani, u li ġie żviluppat biex il-plural miksur seta’ jibqa’ jaħdem anke fuq kliem li kien twil wisq u li ma kellux 3 konsonanti biss jew 4. (Għal diskussjoni ċara fuq dawn in-nomi, ara: Loan Verbs in Maltese, pp. 209-210).
Dwar il-fatt li għandna żewġ plurali, irridu niftakru li sakemm plural ikun użat minn ħafna nies u jkun mibni skont forma aċċettata, dan ma jistax jitqies żbaljat jew ħażin. Għalhekk, m’hemm xejn ħażin fil-fatt li hemm min jgħid ingravati u hemm min ingravajjet, u t-tnejn qegħdin jgħidu plural tajjeb. Kull wieħed minna aktarx juża wieħed minnhom, imma jkun iktar għani fil-vokabolarju tiegħu jekk jitgħallem ukoll il-forma li juża ħaddieħor.
Dan, fl-aħħar mill-aħħar, huwa raġunament ta’ apprezzament tad-diversità, apprezzament li llum ġustament qed isir f’kull qasam tal-ħajja.
Prof. Manwel Mifsud
Fil-Malti, fost is-suffissi tal-plural insibu kemm -iet u kemm -ijiet.
Hemm it-tendenza ġenerali li l-kliem li fis-singular jispiċċa bl-a jieħu -iet (eż. ġrajja/ġrajjiet), u l-kliem li jispiċċa b’konsonanti jew b’vokali oħra (barra -a) jieħu -ijiet (eż. missier/missirijiet, torri-torrijiet, soru-sorijiet). Skont din it-tendenza, wieħed għandu jistenna li l-plural ikun ħtiġiet, u fil-fatt issib min jissuġġerilek li tuża ħtiġiet biss.
Imma fil-lingwa hemm iktar minn dinamika waħda, kif fit-temp hemm iktar minn riħ wieħed… u ġieli riħ ikun kontra ieħor u jegħlbu jew jitħallat miegħu. Fil-fatt, fil-Malti hemm ukoll tendenza kurjuża li ċerti zkuk qosra jsibu mezzi biex jitwalu ftit ħalli jlaħħqu ma’ sħabhom u jinħassu iktar regolari. Jista’ jkun li kienet din ir-raġuni għaliex ħafna Maltin il-kelma ħtiġiet donnhom ħassewlha xi ħaġa nieqsa u bdew iżidulha wkoll is-suffiss -ijiet: ħtiġijiet, plural li llum sar bil-wisq iktar popolari.
Ma hemm xejn ħażin f’dan – min juża ħtiġiet u min juża ħtiġijiet. Fil-fatt, it-tnejn meqjusin tajbin.
Prof. Manwel Mifsud