Fis-sintassi tal-Malti, kull meta jkollok għadd ta’ persuni li jagħmlu l-istess azzjoni li fiha tissemma xi parti tal-ġisem li minnha għandna waħda, jintuża s-singular. Hekk, ngħidu aħna:
1. Baxxew rashom u ma qalux kelma oħra.
2. Bdejna nsoddu mneħirna minħabba l-intiena.
3. U daqstant ieħor serrħu raskom (mhux rjuskom); iftħu moħħkom (mhux mħuħkom); u soddu mneħirkom.
Jekk toqgħod tanalizzaha “loġikament” (ħaġa li m’għandek tagħmilha qatt fis-sintassi ta’ lingwa), din il-binja tista’ tidher illoġika u bla sens. Mela huma flimkien għandhom ras waħda? Mela aħna lkoll għandna mnieħer wieħed bejnietna?
M’għandniex xi ngħidu, is-semmiegħ ma jkollux din ir-reazzjoni. Jifhem mill-ewwel li fosthom ilkoll, kull wieħed/waħda baxxa/iet rasu/ha, u li minna kull wieħed/waħda sadd/et imnieħru/imneħirha. Jew, kif iqassruha tajjeb it-Taljani, ciascuno il suo.
Din hi r-raġuni għaliex xi nomi (bħal imnieħer) fil-Malti m’għandhomx plural: qatt ma kellna bżonnu, għax mal-plural xorta waħda nużaw is-singular. U, fl-istess ħin, għaliex xi nomi li għandhom is-singular u l-plural (bħal ras/rjus) xorta waħda jużaw is-singular meta jkunu involuti ħafna persuni (ara l-eżempju nru 1, hawn fuq).
Bħal kull ħaġa madwarna, din ir-regola sintattika Maltija mhix meħlusa mill-influwenzi u mill-bidla. U xi lingwi li qegħdin magħna l-ħin kollu, bħall-Ingliż, ma jagħmlux bħalna u jużaw il-plural f’każi bħal: they raised their heads. U l-Maltin jiddakkru malajr, u r-regola riġida ma tibqax daqstant riġida, tirtab u ċċedi. U llum ġieli tisma’ refgħu rjushom; u mhux l-ewwel darba tisma’ min jgħid li l-Malti (stramb!) m’għandux il-plural ta’ mnieħer bħall-Ingliż. M’għandniex xi ngħidu, jekk ikollna sitwazzjoni rari fejn irridu bilfors nirreferu għal ħafna, allura jkollna “niżviluppaw” plural minn elementi magħrufa, ngħidu aħna *mneħrijiet.
Barra minn hekk, nifs hi s-singular, u nfus hija l-plural (jew aħjar, plural minnhom); u ruħ hi s-singular u rwieħ hi l-plural. Xi darba konna ngħidu lkoll: minnhom innifishom u impenjaw ruħhom, kif kienu jgħidulna missirijietna. Imma bl-influwenza ta’ binjiet barranin kultant bdew joħdulhom posthom il-forom plurali: minnhom infushom u impenjaw irwieħhom.
Issa hemm min għadha ddoqqlu aħjar tas-singular. Imma l-individwu mhux il-poplu Malti, u jista’ jkun (min jaf?) li hemm barra hemm iktar nies li qed jgħidu impenjaw irwieħhom milli impenjaw ruħhom. U, għidli int, l-arloġġ min qatt dawru lura?
Prof. Manwel Mifsud
Id-dizzjunarju Oxford jiddefinixxi l-kelma lung b’dan il-kliem: “either of the pair of breathing-organs in man and most vertebrates”. Dan ifisser li lung tirreferi għal borża waħda mit-tnejn li għandu kull wieħed minna. Mela l-Ingliżi (u anke l-Maltin!) jieħdu n-nifs permezz tal-lungs.
Imma fil-Malti, kull wieħed minna għandu pulmun u jieħu n-nifs bih. Mela fil-Malti ż-żewġ boroż flimkien jissejħu pulmun, nom singular maskili. Li jfisser li l-kelma Maltija pulmun (sg.) fl-Ingliż hija lungs (pl.), sewwasew bħalma l-Malti qalziet (sg.) fl-Ingliż hija trousers (pl.) għax magħmul minn żewġ qliezi.
Allura pulmuni ma teżistix? Dażgur li teżisti. Kull wieħed minna għandu pulmun u flimkien, jien u inti, għandna tliet pulmuni… u nistħajjel anke tliet qliezet.
F’każijiet oħrajn, aktarx li l-Malti kien jirrikorri għan-nom tal-unità (jew għall-farrad waħdani) u kien ikollna soluzzjoni perfetta. Jiġifieri bħalma bieb jista’ jkollu żewġ tebqiet u kull waħda nsejħulha bieba, hekk ukoll il-pulmun ikun sħiħ u borża waħda minnu kienet tissejjaħ *pulmuna! Imma, kif jgħid il-Malti, “kieku u kien qatt ma ltaqgħu flimkien”. Dil-kelma qatt ma żviluppat.
Naturalment, anke għal dan hemm raġuni, u din tista’ tkun għax filwaqt li bieb u bieba jirreferu għal oġġetti faċilment milħuqa u barra minna, pulmun tirreferi għal oġġett li qiegħed ġo fina u li ma nistgħux immissuh (fil-fatt nemmnu li għandna wieħed għax nafu li kulħadd ikollu, mhux għax rajnieh jew missejnieh). U l-lingwa hija prattika u pragmatika billi kelma bħal bieba, għax meħtieġa ħafna fit-taħdit, tiżviluppaha, u *pulmuna, li konna niġu bżonnha rari ħafna, ma tiżviluppahiex biex ma tgħabbiniex. Imqar jekk ma neskludux li xi ħadd li jista’ jiġi bżonnha fid-diskors jaf joħloqha istintivament, għal darba, u jibqa’ għaddej.
Minħabba dan kollu, normalment jiġri li, biex nirreferu għal borża waħda mill-minfaħ kollu nużaw il-frażi “il-pulmun tal-lemin” jew “il-pulmun tax-xellug”. U, eċċezzjonalment, hawnhekk il-kelma pulmun tiġi qed tirreferi għal borża waħda, għal “nofs il-pulmun” ta’ veru. Huwa mezz biex tiddobba.
Kos, kemm hemm x’nitgħallmu fuqna nnifisna meta nosservaw il-lingwa li qiegħda fuq fommna ta’ kuljum!
Prof. Manwel Mifsud
Niktbu biss dawn it-tliet forom:
qiegħed (fuq il-mudell nieżel)
qiegħda (fuq il-mudell nieżla)
qegħdin (fuq il-mudell neżlin)
It-taqsiriet nużawhom fit-taħdit tagħna biex ngħaġġlu jew inkella biex naġġustaw il-prosodija tal-frażi. Huwa naturali li kelma tidħol fl-oħra u xi vokali ta’ bejniethom jinxtorbu fil-pronunzja. Dawn jinvolvu pronunzja differenti għalkollox, tant li tinxtorob sillaba.
Issib min jgħidlek li fil-kitba ma tistax tuża l-forom “dal-” imma “dan il-“; “t’Għawdex / t’April” imma “ta’ Għawdex / ta’ April”; “ħa/se/ser immur” imma “sejjer immur”. Huwa minnu li hemm tendenza li f’diskorsi u kitba iktar formali tintuża l-forma s-sħiħa, minħabba l-kuntest jew iċ-ċirkustanza. U min jagħmel hekk, ma jkunx qed jagħmel ħażin. Imma dan ma jfissirx li l-forom imqassra ma tista’ tużahom qatt fil-kitba.
U allaħares it-taqsir, jew l-informali, kellu jkun awtomatikament skorrett, għaliex kieku aktarx li mġibitna kienet tkun skorretta matul il-biċċa l-kbira ta’ jumna u ta’ ħajjitna! Ir-reġistru informali huwa perfettament korrett f’sitwazzjoni informali, daqskemm fl-istess sitwazzjoni kien ikun skorrett ir-reġistru formali. Il-libsa skont l-istaġun.
Imma tajjeb niftakru li hemm taqsir u taqsir. Nistgħu ngħidu li fil-kitba aktarx ninsġu f’xulxin dak il-kliem li jokkorri ħafna flimkien, i.e. jkun sar qisu kelma waħda. Imma kliem li rari jinzerta flimkien ma nqassruhx. Ngħidu aħna, faċli niktbu “darb’oħra” u “ħaġ’oħra”. Ġieli naraw miktuba: “tazz’ilma”, imma bilkemm nimmaġinawna niktbu, pereżempju, “tazz’aniżett” u “liem’eżempju”, avolja meta nippronunzjawhom jinxtorbu xorta waħda. Taqsir bħal dan x’aktarx li nevitawh minħabba l-konswetudni, ta’ dak li ndara.
Fl-istess ħin hemm oqsma (bħalma huma l-poeżija u l-lirika ta’ kanzunetta) li fihom jista’ jkun importanti li tikteb il-forma mqassra, għax ma tkunx trid tissogra li min ikun jaqra/ikanta jieqaf u jippronunzja ż-żewġ vokali separati u b’hekk joħroġ mir-ritmu tal-kompożizzjoni.
U dwar il-li mqassra?
Il-pronom li jista’ jitqassar billi taqagħlu l-vokali tat-tarf, għalkemm iktar komuni l-forma sħiħa. Din ukoll tiddependi mir-ritmu tas-sentenza u mill-ambjent li ssib ruħha fih il-kelma: dak li għamilna flimkien / dak l’għamilna flimkien, jgħidu li iktar ma tikber iktar titgħaqqal / jgħidu l’iktar ma tikber…
Interessanti li fil-Kantilena, l-eqdem dokument sħiħ miktub bil-Malti (miktub c. 1450, waslilna f’kitba ta’ c. 1530) insibu sewwasew tweġiba għal dan: Waqgħet hi mrammti, l’ili żmien nibni. M’għandniex xi ngħidu, billi din hija poeżija, il-poeta nqeda b’din il-possibilità biex iqassar il-vers għat-tul mixtieq.
Prof. Manwel Mifsud
Biex jirreferu għall-jum ta’ qabel ilbieraħ, missirijietna kienu jużaw “l-ewliemes” (l-ewwel iemes: ams bl-Għarbi tfisser “ilbieraħ”). Din illum m’għadhiex tintuża. Prattikament mietet, u għadhom jiftakruha biss xi anzjani u, m’għandniex xi ngħidu, xi dilettanti tal-Malti.
Minflokha nużaw ilbiraħtlula, bil-l fl-aħħar u mhux bir-r. Fl-Għarbi u fil-Malti qadim, il-kelma l-ewwel ma kinitx invarjabbli (ma tinbidilx) imma kellha forma mask. (l-ewwel) u forma fem. (l-ula), qisha minflok l-eww(e)la. Din fl-Għarbi Standard Modern għadha tinstab u tintuża, imma f’ħafna djaletti tal-Għarbi, u anke fil-Malti, intilfet. Imma spiss jiġri li kelma tmut, iżda tħalli xi forom tagħha, forom orfni, warajha. L-ula ma tintużax fil-Malti, imma għad fadlilna tifkira tagħha fil-frażi ffossilizzata lbiraħtlula (< lbieraħt + l-ula = “l-ewwel bieraħ, i.e. lbieraħ ta’ qabel, jew ilbieraħ tal-bieraħ”).
L-etimoloġija popolari, li għandha ħabta “ddawwal” b’inġenjożità kbira l-kliem li hu mudlam għax ma tifhmux hi, ġiegħlet lil ħafna jippruvaw jifhmuha llum u jfissruha bħala: lbieraħt + lura = “li tmur iktar lura”, għalkemm x’aktarx xorta -lula jkunu jlissnu.
Fil-verità dik hi, ngħiduha u niktbuha: ilbiraħtlula.
U, jekk xejn, għax mhux ilbieraħtlula?
Niktbu ilbieraħ (bl-aċċent fuq l-ie) imma ilbiraħtlula (bl-aċċent fuq l-u – għalhekk l-ie tiqsar u tiġi i, bħal f’missier/missirijiet).
U la qegħdin fiha:
1. Tajjeb insemmu li f’Għawdex minflok din il-kelma tintuża ħafna “qabel ilbieraħ”.
2. Il-frażi pitgħada hi ffurmata minn pit = bagħd (li tfisser “wara”) – f’dan il-każ “wara għada”.
Prof. Manwel Mifsud
Kelma tidħol u taqbad f’lingwa minn kemm jużawha l-kelliema tagħha. Jekk il-lingwa ma jkollhiex kelma oħra biex tesprimi dak il-kunċett partikolari li nkunu qed nitkellmu dwaru, din tkun żieda tajba u utli għax tkompli twessa’ l-vokabularju.
Meta niġu f’din is-sitwazzjoni, nagħmlu tajjeb li – qabelxejn – kull problema narawha sfida, u kull sfida opportunità biex inwessgħu l-vokabularju Malti bi frażijiet xierqa u eleganti. U għalhekk l-ewwel għandna nippruvaw insibu jew noħolqu kelma mil-lingwa tagħna stess, imbagħad induru fuq frażijiet minn ilsna oħra.
Imma xi minn daqqiet jiġri li jibda jintuża kliem li fil-lingwa diġà jkollna kliem għalih. Aktar ma jintuża, anke fuq il-mezzi tax-xandir, b’xorti ħażina jibda jwarrab u saħansitra jaqla’ l-kliem l-ieħor bla ħtieġa.
Ażil politiku u xelta, it-tnejn mit-Taljan, huma żewġ kelmiet minn dawn. Qed nisimgħuhom fl-aħbarijiet u fil-programmi tat-telebejgħ. Għalihom il-Malti diġà għandu kenn politiku u għażla. Id-darba li jmiss uża lilhom ħalli ma narmux dak li hu tagħna.
Prof. Manwel Mifsud
F’Jannar 2008 pajjiżna daħħal il-munita Ewropea. Kienet bidla kbira li laqtet il-ħajja Maltija f’bosta aspetti tagħha. Fix-xhur tat-tħejjija li kienet qed issir għal dan l-avveniment, kien twaqqaf kumitat apposta — in-NECC — biex, fost l-oħrajn, jikkonsulta mal-awtoritajiet differenti f’kull qasam li b’xi mod kien involut. Billi f’kull pajjiż li jdaħħalha l-munita Ewropea jrid ikollha isem, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti — bħala l-awtorità lingwistika ewlenija ta’ Malta — kien intalab jagħti fehemtu fuq l-isem li għandu jkollha l-munita fil-Malti.
Ladarba dan l-isem kien se jkun biċċa mil-lingwa Maltija, ried jintgħażel wieħed li l-lingwa Maltija jirrispettaha u jintegra magħha, fil-ħoss u fil-kitba. Dan l-Unjoni Ewropea fit-teorija tirrikonoxxih, għaliex hija għaqda li fl-unità tagħha tirrispetta d-diversità tal-kulturi u l-ilsna tal-pajjiżi li jsawruha.
Wara l-konsultazzjonijiet u d-diskussjonijiet meħtieġa, il-Kunsill tal-Malti ddeċieda fuq dawn l-ismijiet għall-qari u l-kitba bil-Malti:
ewro | (m.s., plural ewro) bħala l-isem tal-munita Maltija bażika. Jinkiteb b’ittra żgħira. |
ċenteżmu | (m.s., plural ċenteżmi) bħala l-isem tal-wieħed minn mija tagħha. |
Dan fissru ċar, b’argumenti li jifhimhom kulħadd, f’konferenza stampa kif ukoll f’pubblikazzjoni apposta. Il-Kunsill għamel kampanja fil-mezzi tax-xandir, li rridu nfaħħruhom għas-sehem kbir li taw, għax kienu huma li xerrdu dil-kelma b’konvinzjoni. Kif naraw, l-ismijiet ġew adottati b’armonija sħiħa mal-lingwa Maltija.
U fil-liġijiet?
Il-gvern Malti ntrabat mal-Unjoni Ewropea li fid-dokumenti ta’ natura legali biss jintuża l-isem bl-u, b’konsistenza ma’ dak li jagħmlu pajjiżi oħra, inkluż pajjiżi bħal-Latvja, il-Litwanja u l-Ungerija li fl-ortografija tagħhom isem il-munita ma jiktbuhx bl-u.
Minn dawn id-diskussjonijiet intlaħaq dan il-qbil:
1. Li l-gvern Malti jippreferi u jxerred il-forma Maltija ewro.
2. Li f’kull komunikazzjoni tiegħu mal-poplu l-Gvern Malti juża ewro.
3. Li fil-liġijiet biss tintuża euro.
4. Jekk isiru xi konċessjonijiet lil xi pajjiż membru ieħor biex din l-anomalija ortografika titneħħa, Malta għandha tibbenefika minnhom ukoll. (Il-Latvjani, pereżempju, jużaw eiro (minn Eiropa) fil-kitba u d-dokumenti kollha bil-Latvjan u euro fil-liġijiet.)
5. Li għall-fini tal-liġi, f’kull kuntest, il-kelma ewro hija valida daqs il-kelma euro. Dwar dan tista’ tara dan id-dokument.
Prof. Manwel Mifsud
L-idjoma jiswa mitqlu deheb hija waħda minn għadd ta’ idjomi li spiss jintużaw ħażin. Xi wħud imorru b’rashom li mitqlu huwa xi piż stabbilit bħalma huma l-kilo, ir-ratal u l-wiżna.
Iżda l-kelma mitqlu hija magħmula minn mitqal u l-pronom mehmuż maskili -u, u tista’ xxebbahha ma’ kliem bħal tulu jew prezzu. Mitqal (li ġejja mill-Għerq T.Q.L) tfisser “daqs it-toqol tiegħu, il-piż tiegħu, kemm jiżen”.
Mela meta ngħidu raġel jiswa mitqlu deheb metaforikament inkunu qed infissru li huwa “raġel li jiswa daqs il-piż tiegħu deheb”. Oħroġ l-għaġeb, l-idjomi ġieli jinzertaw jaqblu bejn lingwa u oħra, u interessanti li din l-idjoma Maltija tixbah eżatt lill-idjoma Ingliża worth his weight in gold.
Issa li fhimna l-binja tagħha, għandna nifhmu wkoll li l-pronom mehmuż tagħha jrid jinbidel skont il-persuna li jirreferi għaliha, u mhux jibqa’ dejjem -u. Ngħidu aħna, mara tiswa mitqilha deheb, żewġt aħwa biżlin, jiswew mitqilhom deheb, u mhux tiswa mitqlu deheb u jiswew mitqlu deheb, kif jgħidu ħażin xi wħud.
Prof. Manwel Mifsud
Sakemm saru r-regoli uffiċjali tal-kitba tal-Malti fl-1924, bosta Maltin kienu jiktbu l-Malti la Taljana. Jiġifieri bl-ittra Taljana c kienu jwasslu l-ħoss tal-k (quddiem a, o, u jew h), taċ-ċ (quddiem i jew e), tax-x (wara s), u ġieli anke l-ħoss tal-q. Għadek issib fl-idejn kotba antiki li fihom kliem bħal joctru (flok joktru), chellu (kellu), ciatt (ċatt), jacsam (jaqsam) u iscomm (ixomm).
Billi l-kitba l-ġdida kellha tkun eħfef u fonetika, jiġifieri tikteb kif tisma’, kull ħoss kellu jkollu ittra waħda. Għalhekk illum fil-Malti kull waħda mill-ittri k, ċ u q għandha dejjem il-ħoss tagħha, differenti mill-oħrajn. Biex il-qarrejja ta’ dak iż-żmien – tant midħla tat-Taljan – ma jitfixklux, fuq l-ittra c poġġew tikka li tagħżilha miċ-ċejiet kollha magħrufa qabel u tagħtiha l-ħoss partikolari tagħha: ċe, u ċe biss. Din ir-regola ħafifa għadha l-istess, u fil-Malti għandna ċ waħda biss, dejjem bit-tikka anke meta tkun ittra kbira (Ċ), u dejjem bil-ħoss ta’ ċe.
Għalkemm illum m’għadniex midħla tat-Taljan daqs il-Maltin letterati ta’ dari u l-kitba ma tantx tista’ tfixkilna, ma rridux ninsew li anke fil-lingwa Ingliża l-ittra c għandha bosta ħsejjes, kif jidher minn dan il-kliem: car; technical; locker (ħoss ta’ k), cigarette (s), special (x), church (ċ). Billi l-Ingliż u kitbitu llum għandhom influwenza qawwija fuq il-biċċa l-kbira tal-Maltin u l-aktar fuq iż-żgħar, ikun għaqli li ċ-ċ tal-Malti tibqa’ bit-tikka biex tibqa’ tingħaraf u tintrabat biss ma’ ħoss wieħed. B’hekk nevitaw iċ-ċans li min jaqra jew jikteb bil-Malti jitfixkel kif se jlissinha.
Biex ma nsemmux ukoll il-fatt li l-forom estetiċi tal-ittri, maż-żmien jakkwistaw ċertu valur simboliku, “nazzjonali”, biex insejħulu hekk. Fil-fatt iċ-“ċ bit-tikka” saret distintiva, u saħansitra proverbjali!
Prof. Manwel Mifsud
Il-kelmiet: ħadd, qatt, ebda, imkien u xejn fl-imgħoddi kellhom tifsira pożittiva, li xi wħud tilfuha (għalkemm għadek tista’ ssibha fl-Għarbi) u f’oħrajn kultant għadha tidher.
Eż. (Qatt mort il-Greċja? = Mort xi darba l-Greċja?; Avżajna lil kulħadd. = Avżajna lil kull wieħed.)
Imma billi dawn il-kelmiet sikwit jintużaw man-negattiv biex iżidulu l-enfasi, donnhom ittieħdu minnu u llum aktarx inqisuhom negattivi iktar milli pożittivi.
Hekk spiċċaw b’żewġ tifsiriet: waħda pożittiva (aktarx mitlufa jew rari) u l-oħra negattiva, kif turi din it-tabella:
KELMA | TIFSIRA POŻITTIVA | TIFSIRA NEGATTIVA |
ħadd | persuna, wieħed | l-ebda persuna |
xejn | ħaġa | l-ebda ħaġa |
qatt | xi darba | l-ebda darba |
ebda | f’kull każ, dejjem | lanqas wieħed/waħda |
imkien | post; plur. imkejjen | l-ebda post |
Forsi l-aktar waħda ċara hija “mkien”, għax din għadha tintuża sal-lum biż-żewġ tifsiriet. Ngħidu aħna:
(1) Żaru l-imkejjen (= postijiet) storiċi.
(2) Fejn mort ilbieraħ? Imkien (= l-ebda post).
Fil-Kantilena, l-eqdem kitba li għandna bil-Malti, insibu wkoll il-vers “Min ibidill il miken ibidil il vintura” (Min ibiddel l-imkien (= il-post) ibiddel il-vintura). Għal tagħrif ieħor fuq il-Kantilena idħol hawn.
Interessanti li dan ġara wkoll fil-Franċiż, fejn personne fl-istess ħin tfisser “persuna, xi ħadd” u “ħadd”, u rien, li kienet tfisser “ħaġa” issa tfisser “xejn”.
L-istorja tal-kliem ħafna drabi tiċċaralna ħwejjeġ li mingħajrha jistgħu jħabbluna.
Prof. Manwel Mifsud
Inti u l-maġġoranza tal-Maltin jgħidu u jiktbu “problema kbira” u “nazzjon żagħżugħ” għax dawn il-forom huma iktar komuni u għal min irid jikkomunika mal-kotra tal-Maltin huma preferibbli. Madankollu hemm ukoll xi Maltin li għal raġuni storika jużaw dan il-kliem kif jintuża fit-Taljan, minn fejn tnissel. Dan l-użu għadu meqjus korrett, imma jidher li qed jonqos u ma jdumx ma jinqata’.
Bħal f’kull lingwa oħra, fil-Malti wkoll issib xi kliem li ma jintużax l-istess minn kulħadd, u kull wieħed jista’ jkollu raġuni tajba biżżejjed għall-forma tiegħu. Huwa importanti li kull wieħed jifhem li, billi jgħid hekk hu, mhux bilfors li kulħadd irid jgħid bħalu u mhux bilfors li l-forma tiegħu biss hija tajba.
Xi kliem bħal problema, tema, sistema, dilemma, panorama, klima, poema, u nazzjon ġibnieh mit-Taljan u fit-Taljan diġà kellu l-ġens grammatikali tiegħu (kollha maskili ħlief l-aħħar kelma). Għalhekk xi nies li kellhom influwenza qawwija mit-Taljan baqgħu jużawh kif kien jintuża qabel, u dlonk tismagħhom jgħidu: It-tema li għażilt mhuwiex adattat. L-argument tagħhom hu msaħħaħ mill-istorja ta’ nisel il-kelma, l-argument storiku.
Iżda għall-biċċa l-kbira tal-Maltin dal-kliem malli qasam il-fruntiera u daħal fil-Malti kellu jġib ruħu bħall-kotra tal-kliem tagħna, fejn aktarx li l-kelma tkun maskili meta tispiċċa b’konsonanti (eż. żarbun, twil) u femminili meta tintemm bil-vokali -a (eż. rixa, twila). B’dan il-mudell, bl-analoġija/xebh ma’ kliem ieħor femminili fil-Malti, il-ġens ta’ dan il-kliem mit-Taljan inħass jistona u nbidel, u ma baqax eċċezzjoni għax ġie jaqbel mal-użu Malti. Mela problema, tema, klima, poema u sistema saru femminili u nazzjon ġiet maskili. Dan l-argument hu msejjes fuq l-użu kurrenti tal-lingwa Maltija, l-argument sinkroniku. Mill-Għarbi għandna wkoll kliem bħal għana u sema.
Wieħed m’għandux jitfantas meta jara żewġ użi differenti f’lingwa waħda, għaliex din hija normali f’bosta lingwi. Barra minn dan, jidher ċar li, waqt li l-użu li jaqbel mal-Malti (jiġifieri “problema kbira”; “tema ġdida”; “sistema sofistikata”; “dilemma oħra”; “panorama wiesgħa” eċċ.) qiegħed dejjem jissaħħaħ, l-użu skont l-argument storiku (la Taljana) m’għadux użat ħlief minn ftit nies, u qiegħed jinqata’. Kif aktarx jiġri kull meta fil-lingwa jinstabu żewġ forom alternattivi, imma li fil-fatt waħda tkun qed issaħħaħ postha fil-lingwa u l-oħra tkun qed iċċedih ħelu ħelu.
Prof. Manwel Mifsud
Dawn il-modi differenti (u żbaljati) fil-kitba tal-Malti joħorġu l-aktar meta niktbu bil-kompjuter.
Qabelxejn, tajjeb nagħżlu mill-ewwel bejn żewġ sinjali (l-appostrofu u l-aċċent) li jintużaw fil-kitba Maltija bi skop differenti:
- L-appostrofu [ ’ ] nużawh biex nuru li hemm xi ħaġa nieqsa jew imqassra, ngħidu aħna xi vokali li waqgħet (eż. f’April flok fi April) jew il-konsonanti għ f’tarf il-kelma (eż. reġa’ minflok reġagħ). Mela l-forma kumdita’ hija ħażina, għax hawn m’għandna xejn nieqes jew imqassar.
- L-aċċent [ ` ] jurina li f’dik il-kelma l-qawwa tal-leħen qed taqa’ fuq l-aħħar sillaba (verità, kafè, Marì, bijambò, tribù). B’hekk nagħmlu differenza bejn koppji jixxiebhu bħal: mara onesta mżejna bl-onestà, il-Papa (ta’ Ruma) u l-papà (missier). Mela l-forma kumdita ħażina wkoll għax nieqsa mill-aċċent li jurina waqgħet il-leħen u tiġi tinqara bħal qarnita.
- L-aċċent jinkiteb dejjem fuq il-vokali, mhux warajha, għax huwa parti mill-ħoss tal-istess vokali. Hija vokali aċċentata. Mela l-forma kumdita` mhix tajba lanqas għax hawn l-aċċent inkiteb fl-ispazju ta’ wara l-vokali, minflok fuqha.
- Xi wħud, minflok l-aċċent fuq il-vokali, jiżbaljaw u jiktbu l-aċċent (jew l-appostrofu) wara l-vokali (eż. kumdita`, kumdita’ ) għax ma jafux illum kemm huwa faċli li tiktibhom sewwa bil-kompjuter.
- Jekk qed tuża l-Word (bħall-biċċa l-kbira minna) biex tikteb, ngħidu aħna, il-kelma università kulma trid tagħmel huwa dan:
(1) Agħżel ML mill-buttuna tal-language bar tal-kompjuter.
(2) Wara l-ittra t agħfas flimkien AltGr u l-vokali a (li tkun trid bl-aċċent), u itlaqhom. L-ittra à toħroġ bl-aċċent fuqha kif suppost. L-istess sistema tintuża għall-vokali l-oħrajn kollha biex tikteb kliem ieħor bħal <Tal-Virtù> u <Tignè>.
- Fil-Malti teżisti forma ta’ aċċent wieħed biss – dak li nieżel lejn il-lemin [ ` ], mhux bil-maqlub [ ′ ].
Għal tagħrif ieħor fuq kif tikteb il-Malti bil-kompjuter u kif tattiva l-language bar fil-Microsoft ara dan il-manwal. Jekk tuża l-Mac ara dan.
Prof. Manwel Mifsud
F’regola 3.2.5 tad-Deċiżjonijiet 1 issib din il-lista:
sing. | 1. | [jiena] | m’jiniex, m’iniex – m’jiena |
[jien] | m’jienx – m’jien | ||
2. | [inti] | m’intix – m’inti | |
[int] | m’intx – m’int | ||
3m. | [huwa] | mhuwiex – mhuwa | |
[hu] | mhux – mhu | ||
3f. | [hija] | mhijiex – mhija | |
[hi] | mhix – mhi | ||
plur. | 1. | [aħna] | m’aħniex – m’aħna |
2. | [intom] | m’intomx – m’intom | |
3. | [huma] | mhumiex – mhuma |
F’każi bħal dawn għandna għaqda (jew “binja sintattika”) bejn: Verb + Pronom Mehmuż.
Issa l-verb huwa wieħed nieqes (i.e. l-aħħar konsonanti tal-għerq tiegħu hija dgħajfa: 1-2-J) u l-verbi neqsin fl-imperfett jispiċċaw uħud bil-vokali –a (eż. jinsa, jistaħba) u wħud bil-vokali -i (eż. jiksi, jimxi).
Jekk għal mument tifred il-pronom minn mal-verb, mill-ewwel tinduna jekk il-verb jispiċċax bil-vokali –a jew -i, u minn hemm tkun taf kif għandek tikteb.
- Jekk il-verb (mifrud mill-pronom) jispiċċa bil-vokali –a, din issir –ie-.
- Jekk il-verb (mifrud mill-pronom) jispiċċa bil-vokali –i, din tibqa’ –i-.
Eż. Jekk ma nafx għandix nikteb –i- jew –ie- fil-kelma tistaqs-??-h,
(1) nifred il-verb mill-pronom mehmuż (= tistaqsi + lilu)
(2) ninnota biex jispiċċa l-verb (= -i)
(3) la (skont ir-regola ta’ hawn fuq) –i tibqa’ –i-, nikteb: tistaqsih
Issa l-mistoqsija tagħna hi: timlih jew timlieh?
Mela:
(1) nifred il-verb mill-pronom mehmuż (= timla + lilu)
(2) ninnota biex jispiċċa l-verb (= -a)
(3) la (skont ir-regola) –a ssir –ie-, nikteb: timlieh
Ftit eżempji oħra:
iksihom (għax iksi lilhom)
insieha (għax insa lilha)
ħallieh (għax ħalla lilu – fil-perfett)
ħallih (għax ħalli lilu – fl-imperattiv, kmand)
ilbieraħ ippretendieh (għax ippretenda lilu)
illum nippretendih (għax nippretendi lilu)
tibkix (għax tibki + x) imma bekiex (għax beka + x)
Eċċezzjoni għar-regola:
Kontra. Dawn niktbuhom bil-vokali -i-: kontri -ja, -k, -h, -ha, -na, -kom, -hom)
Jidra u Jara. Dawn jiġu jidrak u jarak. Il-konsonanti likwida r qed iżżomm il-vokali a magħha.
Prof. Manwel Mifsud
Dawn iż-żewġ kelmiet jeżistu fil-Malti u għandhom tifsira differenti:
1. roddhuli tfisser “inti rodd (ċertu oġġett) lili”
2. rodduli tfisser “intom roddu lili”
Dan huwa punt ta’ reqqa tal-kitba Maltija li ħafna ma jafuhx jew jitħawdu fih, tant li, jekk wieħed ikun irid jara tafx tikteb tajjeb bil-Malti, ġieli joħroġlok bih biex jara kemm inti mħarreġ.
Nista’ nuża verb sempliċi biex ngħidlek: Sib!
Tgħidli “Xiex, xi nsib?”, u jien inżidlek l-oġġett dirett biex ngħidlek x’għandek issib: Sib in-nuċċali.
Int tistaqsi “Lil min?”, u jien inżid ukoll l-oġġett indirett biex ngħidlek lil min se ssibu n-nuċċali: Sib in-nuċċali lil Marija.
Issa għall-ħeffa ż-żewġ oġġetti nista’ nqassarhom billi flok in-nomi sħaħ (in-nuċċali, Marija) nuża l-pronomi li jmorru minflokhom:
Sib in-nuċċali. > Sibu.
Sib in-nuċċali lil Marija. > Sibhulha.
Minn hawn tara li l-pronom mehmuż maskili (l-oġġett dirett) qed jinkiteb differenti skont il-każ:
- sakemm ikun waħdu wara l-verb, jibqa’ -u
- IMMA meta warajh ikollu wkoll pronom mehmuż ieħor (tal-oġġett indirett) isir -hu-
Mela, fil-qosor:
VERB + OĠĠETT DIRETT: -u
VERB + OĠĠETT DIRETT: -hu- + OĠĠETT INDIRETT
Eżempji oħra:
hu ħallat ix-xorb – ħalltu
hu ħallat ix-xorb lill-klijent – ħallathulu
hi bagħtet l-ikel – bagħtitu
hi bagħtet l-ikel lil oħtha – bagħtithulha
inti rodd il-ħajr – roddu
inti rodd il-ħajr lili – roddhuli
Prof. Manwel Mifsud
In-numri erbgħa (4), sebgħa (7) u disgħa (9) għandhom l-“għ” bħala t-tielet konsonanti tal-għerq tagħhom:
4 R-B-Għ, 7 S-B-Għ, 9 D-S-Għ
Billi l-għ ma tinstemax, biex tiktibha f’postha jaqbillek tieħu b’mudell in-numru 5 u tibni fuqu.
Meta tgħid ħamsa, ikteb bħalha erbgħa, sebgħa u disgħa.
Meta tgħid ħames, ikteb bħalha erba’, seba’ u disa’.
Meta tgħid ħamsin, ikteb bħalha erbgħin, sebgħin u disgħin.
Imma hemm żewġ każi fejn l-għ ta’ dawn in-numri ma tinkitibx:
1. Meta tgħid ħamest, u minflok erbagħt eċċ., tikteb imqassar erbat, sebat u disat.
2. Meta tgħid ħmistax, minflok erbagħtax eċċ., tikteb imqassar erbatax, sbatax u dsatax.
Eżempji f’kuntest:
Fl-ewwel kexxun sab erba’ [bħal ħames] kotba u xi sebgħin [bħal ħamsin] labra tar-ras; lapsijiet biss sab disgħa [bħal ħamsa].
Konna sebat [bħal ħamest, imma bla għ] irġiel u xrobna żewġ grokkijiet kull wieħed: jiġu erbatax [bħal ħmistax, imma bla għ].
Prof. Manwel Mifsud
Il-forom tiela’ u tielgħa; mxebba’ u mxebbgħa jeżistu t-tnejn, jinstemgħu l-istess, imma ma tistax tużahom flok xulxin, għax tal-ewwel hija l-maskil u tat-tieni l-femminil.
Dawn iż-żewġ forom jiġu ppronunzjati l-istess għaliex l-għ tilfet leħinha u llum ma tinstemax. Għalhekk nistgħu nitfixklu fejn se nibdew inpoġġuha. Imma anke hawn nistgħu nieħdu mudell.
Jekk nieħdu kelma oħra bl-istess forma imma li għandha konsonanti oħra (ngħidu aħna l) minflok għ, malajr nindunaw fejn hu postha. Mela, minflok tela’ (T-L-Għ), xeba’ (X-B-Għ) ħalli nużaw daħal (D-Ħ-L) u l-kliem bl-għ nibnuh fuqu.
La ngħidu: Mark dieħel (għax raġel) u Anna dieħla (għax mara)
niktbu: Mark tiela’ u Anna tielgħa
U la ngħidu: Samwel imdaħħal (mask.) u Marija mdaħħla (fem.)
mela niktbu: Samwel imxebba’ u Marija mxebbgħa
Mela fejn taqa’ l-konsonanti l niktbu minflokha l-għ jew ‘.
Eżempji oħra:
Il-bieb wiesa’ u t-tieqa wiesgħa.
Il-qmis imtebbgħa bil-linka u l-qalziet imtebba’ biż-żift.
Is-serata mtellgħa u konkors imtella’.
It-tadama mqattgħa u l-bżaru mqatta’.
Prof. Manwel Mifsud
Din kwistjoni tas-sintassi, jiġifieri ta’ kif jindamm flimkien il-kliem f’sentenza, u kull lingwa għandha s-sintassi tagħha.
Fil-Malti, kull u ebda jieħdu warajhom nom fis-singular biss.
Min qed juża nom fil-plural warajhom aktarx qed jimxi fuq il-kelmiet Ingliżi any, all u no, li kollha jistgħu jiddeterminaw nom fis-singular jew fil-plural.
Eżempji:
Kull effett li kellu, mhux kull effetti li kellu;
Kull wegħda li għamiltli, mhux kull wegħdiet li għamiltli;
L-ebda ħaddiem ma jista’ jfalli, mhux l-ebda ħaddiema ma jistgħu jfallu;
Ma għamilli l-ebda kondizzjoni, mhux ma għamilli l-ebda kondizzjonijiet.
Prof. Manwel Mifsud
It-terminu “xjuħija” llum il-ġurnata nistgħu ngħidu li ntrabat mal-idea ta’ meta l-bniedem ikun kiber sew fiż-żmien u ma jibqax wisq attiv. Mill-banda l-oħra, “anzjan” saret kelma uffiċjali, marbuta mal-età pensjonabbli kif iħares lejha l-istat. Tirreferi għal dak li jkun daħal fl-età tal-pensjoni u jħoss li għad għandu kontribut x’joffri lis-soċjetà għax ikun għadu ma jqisx ruħu “xiħ”.
Is-Sena Ewropea 2012 tal-Kummissjoni Ewropea ġiet iddedikata għal Anzjanità Attiva u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet proprju għax hi maħsuba biex tqajjem kuxjenza fuq is-saħħa u l-kontribut li tkun għad tista’ tagħti lis-soċjetà persuna wara li tkun irtirat bil-pensjoni, billi tibqa’ b’saħħitha, attiva fis-soċjetà, sodisfatta b’xogħolha, indipendenti fil-ħajja ta’ kuljum u iktar involuta bħala ċittadina. Għax l-età hi irrilevanti sakemm inkunu għadna f’saħħitna u nistgħu nagħtu sehemna fis-soċjetà.
It-titlu għal din is-Sena Ewropea ntgħażel b’konsultazzjoni mal-Kunsill tal-Malti. Nirringrazzjaw lill-Kumitat tat-Tmexxija tar-Residenza San Vinċenz de Paul għal dan.
Prof. Manwel Mifsud
Kulħadd jaf li fil-verbi Maltin, l-aktar fejn jidħlu l-għ u l-h, jiswielna ħafna li nieħdu l-mudell. Dan mhuwa xejn ħlief mera ta’ x’sura kien ikollha l-kelma kieku minflok għ jew h (li tilfu leħinhom u ma jurukx fejn qegħdin) kien hemm konsonanti oħra li tinstema’, ngħidu aħna r. Għallmuna tajjeb li, biex ma nitfixklux, infasslu noqogħdu fuq nifirħu u qgħadt fuq fraħt.
Il-mudelli jgħoddu mhux għall-verbi biss. Anke għan-nomi.
Mela biex nagħżel it-tajba bejn għixien u għajxien, infittex mudelli oħra. Joħorġu ħarsien, serħan, ħelsien, u bħalhom qawmien, sajran, fejqan u dewmien. F’dawn kollha, it-tieni konsonanti tal-għerq (anke meta tkun dgħajfa, jiġifieri j jew w) tinstema’ u tinkiteb wara l-ewwel vokali. Mela, bihom bħala mudell, nikteb b’moħħi mistrieħ: għajxien u għajbien.
Prof. Manwel Mifsud
Skont ir-regoli tal-kitba Maltija (ara ż-Żieda mat-Tagħrif, Taqsima Ċ, Regola 11ċ) “meta jkollna nżidu l-vokali tal-leħen ‘i’ bejn isem proprju li għandu jinkiteb bħall-oriġinal (jew reklam) u l-artiklu, din inżiduha skont ir-regola tal-artiklu tal-Malti imma nżommu wkoll l-ittra kapitali tal-kelma fl-oriġinal. Għalhekk għandna niktbu l-iSpell, l-iStergene, u l-iSprite.”
Mela din ir-regola tintuża eċċezzjonalment u qiegħda biex tibża’ għall-forma tal-ismijiet/nomi proprji barranin li ma ħadux għalkollox is-sura Maltija u li għadhom jinkitbu bħall-oriġinal. Ikunu speċi ta’ “marka tad-ditta”. Kif stabbilit bid-Deċiżjonijiet 1 (punt 2.4), din tapplika wkoll għall-ġenus, fl-ismijiet xjentifiċi, li jkun jieħu l-vokali tal-leħen (eż. l-iStegosaurus).
Mela fil-Malti nistgħu niktbu kelma li tkun tibda b’ittra żgħira u b’oħra kbira warajha fl-ismijiet proprji tad-ditti u xjentifiċi biss.
Ma tapplikax għal ismijiet proprji Maltin (bħal l-Imġarr, l-Imsida, l-Imdina) jew għal ismijiet proprji ta’ nisel barrani li qagħdu għall-kitba Maltija (bħal l-Iskozja, u l-Imnarja). U wisq inqas għal ismijiet/nomi komuni integrati, li jinkitbu sempliċiment l-istamperija, l-ispjun u l-isport (jew l-Istamperija, l-Ispjun, l-Isport meta rridu nibdewhom b’ittra kapitali, ngħidu aħna f’titlu).
Prof. Manwel Mifsud
Il-kelma fiex hija magħmula mill-prepożizzjoni fi marbuta mas-suffiss -iex li jfisser “xi ħaġa”, sewwasew bħalma biex hija magħmula minn bi + -iex. Kliem ieħor mibni bl-istess mod huwa għaliex (għal + -iex), mniex (minn + -iex), fuqiex (fuq + -iex), xiex (xi + -iex), daqsiex (daqs + -iex) u sabiex (sa + bi + -iex).
Min jikteb fhiex jikteb ħażin, u aktarx ikun iħawwad il-kelma ma’ kelmiet oħra bħal ħsibthiex, rahiex, tniżżilhiex, li fihom is-suffiss –hiex huwa magħmul mill-pronom mehmuż –ha (jiġifieri “lilha”) u s-suffiss tan-negattiv –x (eż. iniżżilha [= iniżżel lilha] + -x > iniżżilhiex).
Prof. Manwel Mifsud
Dawn it-tnejn jeżistu u jintużaw f’kuntesti differenti:
1. każ (pl. każi jew każijiet) tfisser “xi ħaġa li tiġri” jew “okkażjoni partikolari” u tintuża, pereżempju, meta ngħidu: fil-każ li jiġi ħuk; f’każ ta’ ħruq, jew dawn huma każi speċjali.
2. kas tfisser “attenzjoni” u tintuża biss fl-espressjoni ta kas bħal: qatt ma ta kasi; tagħtux kashom; ma jagħti kas ta’ ħadd.
Din il-kelma ta’ nisel Rumanz (Sqalli casu, Taljan caso) daħlet fil-Malti f’żewġ għamliet differenti (u forsi f’żewġ perijodi jew komunitajiet differenti), u għalhekk għandha żewġ tifsiriet u fonetikament (mill-ħoss tagħha) iġġib ruħha b’mod differenti.
Il-konsonanti tal-aħħar turina d-differenza. Meta warajha norbtu tarf li jibda b’vokali, tinstema’:
jew (1) -ż- (bħal: każi, każijiet)
jew (2) -s- (bħal: kasek, kasu, kasi, kasna)
Għalhekk għandha żewġ suriet differenti fil-kitba.
Prof. Manwel Mifsud
Il-kliem li jkollu s fl-ilsien barrani, meta jidħol fil-Malti, daqqiet jieħu l-ħoss ta’ s u daqqiet ta’ ż. Skont ir-regoli uffiċjali tal-kitba tal-Malti (Żieda mat-Tagħrif, Taqsima Ċ, par. 6), dan il-ħoss għandu jinkiteb fonetikament, jiġifieri jinkiteb s jew ż skont il-ħoss li jkun qed jieħu fil-kelma partikolari (eż. diżarm, deċiżi, żvilupp, l-Iżvezja, l-Iżvizzera, komuniżmu, ħafna każi imma spjega, komunist, ta kasi).
Bl-istess mod, għandna niktbu pożi, pożizzjoni, oppożizzjoni u dispożizzjoni, u leġiżlattiv, illeġiżla u leġiżlazzjoni, avolja fit-Taljan jinkitbu bis-s, għax it-Taljan Taljan u l-Malti Malti. Kull kitba differenti minn din, fil-Malti hija żbaljata.
Fl-imgħoddi, il-kitba tal-liġijiet u l-kuntratti aktarx kienet issir minn persuni midħla iktar tat-Taljan milli tal-Malti, u għalhekk ma nistagħġbux li kienu – u kultant għadhom – isiru dawn l-iżbalji, imqar f’testi tal-liġi. M’għandniex xi ngħidu, dil-kitba tibqa’ titqies żbaljata f’kull qasam tal-Malti, għax il-kitba tal-Malti hija waħda u uffiċjali. Għalhekk min għadu jikteb hekk għandu jikkoreġi ruħu u jibda jobdi l-liġijiet tal-kitba tal-Malti.
Prof. Manwel Mifsud
L-Għarbi, missier il-Malti, għandu żewġ tipi ta’ għajn (kull waħda bil-ħoss tagħha) u għandu l-akka (li tinstema’ bħal ħ ħafifa). Mill-kitbiet qodma jidher li, dari, fil-Malti kienu għadhom jinstemgħu, u – ħaġa tal-għaġeb – anke llum f’xi djaletti mbiegħda miċ-ċentri urbani, ngħidu aħna fl-Għarb, Għawdex, għadek tista’ tismagħhom ċari, ġawhar tal-istorja tal-Malti. Mela żgur li mhumiex xi invenzjoni kapriċċuża ta’ min iddeċieda li nibqgħu niktbuhom.
Fis-sewwa, madankollu, min fl-1924 qatagħha li jibqgħu jinkitbu seta’ wkoll qatagħha li ma jinkitbux. Illum, kważi disgħin sena wara dik id-deċiżjoni importanti, nistgħu nippruvaw nifhmu x’kienu r-raġunijiet li ġegħluhom jiddeċiedu hekk u mhux mod ieħor.
(1) Qabelxejn, din ma kinitx xi invenzjoni ġdida. Sa mill-qedem, meta l-għ u l-h kienu għadhom jinstemgħu, min kien jiktibhom aktarx kien juża gh għall-għ u h għall-h. Mela kien hemm tradizzjoni tal-kitba tagħhom, li r-regoli tal-1924 għażlu li jirrispettaw.
(2) Il-ħsejjes irrappreżentati mill-għ u l-h nafu li ma spiċċawx f’daqqa, imma dgħiefu u ġew fix-xejn. Dan ifisser li aktar minn tmenin sena ilu, aktarx li kienu għadhom ippronunzjati minn għadd ta’ nies ikbar minn tal-lum. Terġa’, Ninu Cremona, l-aktar studjuż li ħadem biex twaqqfet il-kitba tal-Malti, kien Għawdxi, u bħala Għawdxi aktarx li kien midħla sewwa ta’ dawn il-ħsejjes użati madwaru.
(3) Imma forsi l-aktar raġuni importanti kienet il-grammatika tal-Malti. Il-kelma Maltija tinbena minn Għerq u Forma, skont għadd ta’ forom (jew mudelli) stabbiliti. Jekk tneħħi l-għ u l-h mill-kitba, waqt li minn banda tkun tħaffef il-kitba għax tagħmilha iktar fonetika (tikteb kif tisma’), mill-banda l-oħra tkun qed tfarrak l-unità tal-mudelli tal-lingwa, għax tista’ tgħid kull nom jew verb bl-għ/h jibda jagħti forma ġdida għalih. U hekk tista’ tispiċċa ttaqqal dak li tant xtaqt tħaffef.
Illum bosta Maltin iħossu li dawn is-simboli, imqar jekk għalihom huma għajn ta’ tfixkil u inċertezza, huma parti mill-identità viżiva tal-ilsien Malti u lanqas biss joħolmu li jistgħu jitneħħew. Din hija logħba bejn it-tħaffif tal-ortografija u r-rispett lejn it-tradizzjoni tal-kitba, logħba li fis-sewwa qegħdin fiha bosta lingwi miktuba, mhux il-Malti tagħna biss.
Prof. Manwel Mifsud